It-Taljan Emanuele Buccolieri rebaħ l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Malta International Open, fl-avveniment tat-trap li sar fix-Shooting Range f’Ta’ Kandja. William Chetcuti kiseb it-tieni post, l-istess pożizzjoni li biha rebaħ żewġ midalji tal-fidda fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Simone Apostolico wkoll tal-Italja temm it-tielet.
Inċidentalment, Buccolieri kiseb il-ħames l-aħjar riżultat fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni b’total ta’ 119 plattina minn 125. Iacopo Cipriani temm fil-quċċata b’122/125, segwit minn William Chetcuti (121/125), Joseph Fortunato (120/125+3) u ż-żagħżugħ James Galea (120/125+2) li rritorna jikkompeti. Apostolico kien l-aħħar tiraturi li kkwalifika għall-finali b’118/125.
Iżda Cipriani kien l-ewwel wieħed eliminat meta laqat biss 16-il plattina minn 25. It-Taljan Fortunato spiċċa fil-ħames post, b’James Galea jtemm ir-raba’. Il-finali kienet kontestata bejn Buccolieri u Chetcuti, bit-tiratur Taljan jispiċċa b’total ta’ 41 plattina minn 50, erbgħa aktar minn Chetcuti.
Il-Malta International Open ikompli bl-avveniment tas-skeet. L-ewwel ġurnata ta’ kwalifikazzjoni ssir għada filwaqt li l-Erbgħa ssir il-finali.
//= $special ?>