Lokali

“Wissejt xahar ilu dwar inċidenti bħal dawn” – Il-Ġeologu Peter Gatt

F’reazzjoni immedjata ftit tal-ħin biss wara li ġġarfet binja fil-Mellieħa nhar is-Sibt li għadda, il-Ġeologu Peter Gatt qal li madwar xahar ilu hu kien għamel twissija. Gatt qal li wara t-traġedja li seħħet fi Gwardamanġa f’April li għadda, fejn iġġarrfet binja biswit sit ta’ kostruzzjoni, hu kien wissa dwar aktar minn dat-tip ta’ inċidenti fiż-żmien li ġej.

F’post fuq Facebook, Gatt saħaq li hu ilu zmien twil jagħmel twissijiet dwar kif isir l-iskavar f’pajjiżna.

Hu qal li l-problema ma tinsabx fil-binijiet imma fil-ġeoloġija tal-blat ta’ taħthom fejn ikun qed isir il-proċess ta’ skavar.

Peter Gatt saħaq li pajjiżna qed jibqa’ jinjora l-ġeoloġija tal-blat f’siti tal-kostruzzjoni u li konsegwenza ta’ dan se jibqa’ jkolna ċedimenti tal-blat li jiddistabilizzaw il-binjiet fil-madwar, propju kif qed jidher li ġara kemm fi Gwardamanġa kif ukoll fil-Mellieħa.

Gatt qal li l-blat huma l-ispeċjalizzazzjoni tal-ġeologi u mhux tal-Periti u tenna li Malta tibqa’ l-unika pajjiż fl-Ewropa mingħajr Servizz Nazzjonali tal-Ġeoloġija.