NEPTUNES LEO VEGAS……….. 11 SAN ĠILJAN TUM INVEST…… 11
(Neptunes jirbħu 3-1 bl-għoti tal-penalties)
(2-4), (2-2), (3-1), (4-4)
Il-gowlkiper Alan Borg Cole kien strumentali hekk kif Neptunes kisbu t-Tazza tal-President għall-għaxar darba wara li għelbu lil San Ġiljan 14-12 bl-għoti tal-penalties wara li l-logħba fil-ħin regolamentari kienet spiċċat 11-11.
Din il-logħba uriet li dawn iż-żewġ timijiet se jkunu sfidanti għar-rebħ tal-kampjonat għal sena oħra. Fatt importanti hu li minkejja li spikkaw, però l-aqwa plejers tat-timijiet speċjalment il-barranin irridu naraw ħafna aktar minnhom minħabba li jridu jirkupraw il-kundizzjoni fiżika tagħhom.
San Ġiljan dehru aktar kompatti fl-ewwel żewġ sessjonijiet u qabdu lill-avversarji fuq sieq waħda diversi drabi. Huma bdew jirnexxielhom isibu l-ispazji mill-markatura tal-avversarju u fetħu lil Neptunes beraħ. Neptunes kellhom iġibu d-draw darbtejn fl-ewwel sessjoni iżda l-ewwel kien Matthew Zammit li skorja fuq l-ewwel lasta biex Guillermo Molina għamilhom 4-2 wara kontrattakk. L-istess Zammit u Molina kabbru l-vantaġġ għal 6-2 fit-tieni sessjoni u sa dak il-ħin kollox deher faċli għal San Ġiljan. Petar Muslim skorja doppjetta biex daħħal lit-tim tiegħu bi żvantaġġ żgħir ta’ żewġ gowls.
Id-diskors u spostament tattiku tal-kowċ Jovan Popovic ħalla l-effett tiegħu hekk kif Neptunes fit-tielet sessjoni tjiebu mhux ftit. Huma kienu aktar kompatti fid-difiża tant li Borg Cole ftit kellu x’jagħmel filwaqt li fl-attakk ħadu l-kontroll. Darko Brguljan u żewġ penalties ta’ Stevie Camilleri dawru r-riżultat favur Neptunes iżda gowl bl-aħħar xutt tas-sessjoni ta’ Niksa Dobud ħalla liż-żewġ timijiet fi draw qabel l-aħħar sessjoni.
Brguljan u Jordan Camilleri taw vantaġġ doppju lil Neptunes fl-ewwel minuta tal-aħħar sessjoni sakemm Molina naqqas id-distakk. Neptunes sofrew daqqa ta’ ħarta meta kien fadal ħames minuti u nofs meta tkeċċa Stevie Camilleri u fl-azzjoni sussegwenti u ftit sekondi wara Ben Plumpton ġab id-draw.
Niki Lanzon u Jordan Camilleri poġġew lil Neptunes minn fuq f’żewġ okkażjonijiet iżda l-Ġiljaniżi wieġbu fiż-żewġ okkażjonijiet minn Matthew Zammit u Dobud rispettivament. Jake Tanti żamm lil San Ġiljan fil-logħba f’żewġ okkażjonijiet lejn it-tmiem, bil-logħba tiġi deċiża bl-għoti tal-penalties.
Petar Muslim u Matthew Zammit skorjaw l-ewwel penalties taż-żewġ timijiet. Niki Lanzon skorja għal Neptunes iżda falla l-penalty ta’ Guillermo Molina kien salvat bl-għajnuna tal-lasta. Jake Tanti salva l-penalty ta’ Jake Muscat iżda x-xutt ta’ Niksa Dobud stampa mal-mimduda. Jordan Camilleri skorja għal Neptunes, bil-penalty ta’ Dino Zammit ikun salvat tajjeb minn Alan Borg Cole. Fi tmiem il-logħba, il-President tal-ASA Joe Caruana Curran preżenta t-trofew lill-captain ta’ Neptunes Niki Lanzon.
Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (1), K. Erdogan, G. Pace, P. Muslim (2), D. Brguljan (3), S. Camilleri (3), J. Camilleri (2), J. Abela, N. Zammit, J. Muscat, M. Azzopardi, B. Busuttil, S. Busuttil, J. Farrugia
San Ġiljan: J. Tanti, B. Grech, A. Galea, N. Dobud (3), G. Molina (4), M. Zammit (3), B. Plumpton (1), K. Dowling, T. Said, Da. Zammit, P. Fava, Di. Zammit, T. Micallef
Referees: Massimo Angileri, Giovanni Lo Dico
//= $special ?>