Sport Sport Ieħor

Boris Becker bi kritika lejn it-tennisti żgħażagħ

Boris Becker qal li t-tennisti żgħażaġħ ma għandhomx il-mentalità ġusta biex jisfida t-tlieta l-kbar fil-Grand Slams. Roger Federer, Rafael Nadal u Novak Djokovic rebħu kull Grand Slam mill-2017, b’Nadal jirbaħ l-aħħar titlu fl-Open ta’ Franza l-Ħadd li għadda b’rebħa kontra Dominic Thiem fil-finali għat-tieni sena konsekuttiva.

Becker li rebaħ Wimbledon fl-età ta’ 17-il sena u fil-karriera tiegħu rebaħ sitt Grand Slams, qal li l-aspett mentali aktar minn kollox li tagħmel id-differenza bejn it-tlieta ta’ fuq u l-bqija. “Kont qed naqra statistika li l-ebda tennist attiv barra mill-ewwel tlieta taħt it-28 sena minbarra Thiem, ma wasal sal-finali ta’ Grand Slam,” qal Becker.

Il-Ġermaniż qal li dan mhux kumpliment għal ħadd taħt it-28 sena u ma jaqbilx mal-punt li l-ewwel tlieta huma tajbin wisq. “Aħna għandna nsaqsu l-kwalità u l-attitudni ta’ kulħadd taħt it-28 sena għaliex ma tagħmilx sens.” It-tennisti l-oħra li waslu sal-finali ta’ Grand Slam fl-aħħar tliet snin kienu Juan Martin del Potro, Kevin Anderson, Marin Cilic u Stanislav Wawrinka li kollha għandhom 30 sena jew aktar.

“Daqs kemm nirrispetta lil Roger, Rafa u Novak, iż-żgħażagħ iridu jgħollu l-livell. Eventwalment jikbru fl-età imma tkun trid tara t-torċa tgħaddi waqt li jkunu għadhom fl-aħjar tagħhom. Hemm ċertu mentalità li ma għandhomx li t-tlieta l-oħra għandhom. L-attitudni li tagħmel id-differenza bejn ir-rebħ u t-telf,” żied Becker.