Futbol Sport

Chris Bonett isir it-tieni kandidat għall-kariga ta’ President tal-MFA

Fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFA se jkun hemm bżonn elezzjoni biex jinħatar President tal-MFA. Wara li Bjorn Vassallo ħabbar li se jikkontesta aktar kmieni llum, ftit tal-ħin ilu Chris Bonett ħabbar ukoll li se jkun qed jikkontesta għall-ogħla kariga fil-futbol Malti biex b’hekk spiċċaw l-ispekulazzjoni ta’ diversi xhur.

Ir-rabta ta’ Bonett mal-isport tmur lura diversi snin. Hu kien plejer tal-handball u kien wieħed mill-persuni li waqqaf il-klabb tal-handball ta’ La Salle, kif ukoll lagħab il-futbol u l-volleyball fil-livell taż-żgħar.

Bħal Vassallo, Chris Bonett li għandu 37 sena, kien daħal fl-MFA fl-2010 fid-Dipartiment Legali tal-assoċjazzjoni u tliet snin wara kien elett bħala wieħed mit-tliet Viċi Presidenti tal-MFA. Fl-2016 hu reġa’ kien elett bħala Viċi President iżda ftit xhur wara kien irriżenja mill-kariga biex jinħatar Integrity Officer tal-UEFA.

F’Awwissu tas-sena ta’ wara hu rritorna f’pajjiżna bħala Konsulent fis-Segretarjat Parlamentari għall-Isport. Fl-aħħar snin hu kien ukoll Aġent Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta.