Il-Moviment Graffitti ppreżenta appell lit-Tribunal ta’ Revizjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) li tiġi approvata pompa tal-petrol enormi fuq ODZ f’Burmarrad. F’din id-deċiżjoni atroċi li ttieħdet f’April li għadda, il-Bord tal-PA ħareġ permess biex pompa ta’ madwar 2m² tkun “rilokata” fuq medda ta’ art agrikola tajba ta’ 3,700m². Apparti l-pompa tal-petrol, dan l-iżvilupp se jkun jinkludi wkoll diversi ħwienet u servizzi kummerċjali.
Il-Moviment Graffitti appella din id-deċiżjoni peress li l-Bord tal-PA reġa’ għal darb’oħra wera li ma jimpurtah xejn mill-policies li jirregolaw l-iżvilupp f’Malta. Bħallikieku ma kienx diġa ħażin li l-Fuel Service Station Policytal-2015 tħares prinċipalment l-interessi tal-iżviluppaturi minflok l-ambjent, il-Bord tal-PA għażel li jinjora sfaċċatament anki l-ftit miżuri insuffiċjenti li jissalvagwardjaw l-ambjent li hemm f’din il-Policy.
Fil-fatt, il-Fuel Service Station Policy tispeċifika b’mod ċar li l-pompi tal-petrol ma jistgħux jiġu rilokati fuq “art agrikola tajba”. Dan is-sit ODZ f’Burmarrad ġie ċċertifikat mill-konsulenti esperti u l-awtoritajiet konċernati kollha bħala “art agrikola tajba” u bħalissa qed jiġi użat għal skopijiet agrikoli.
Barra minn hekk, il-Policy tesiġi li pompi tal-petrol ODZ ma jistgħux ikunu ikbar minn 3,000m². Id-daqs tal-pompa li ġiet approvata huwa ta’ 3,700m².
L-appell jinkludi wkoll numru ta’ raġunijiet oħra marbutin mad-dokumentazzjoni mhux sħiħa li l-pubbliku kellu aċċess għaliha kemm qabel u waqt is-seduta, mal-fatt li l-Bord tal-PA ma tax raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu kif ukoll injora kompletament policies bħar-Rural Policy, l- iStrategic Plan for Environment and Development(SPED) u l-Agricultural Policy.
Din id-deċiżjoni tal-Bord tal-PA hija eżempju perfett ta’ kif il-proċess tal-ippjanar f’Malta qiegħed sistematikament iwassal għall-qerda ta’ pajjiżna biex tiġi sodisfatta r-regħba tal-ftit. Biex jiżġura li jinqdew l-iżviluppaturi, il-Bord tal-PA jinjora bla mistħija ta’ xejn anki l-ftit salvagwardji dgħajfa li jipprovdu l-policies difettużi tal-istess PA.
//= $special ?>