Il-Bajja t’Għajn Tuta, magħrufa aħjar bħala Paradise Bay, tinsab iktar nadifa minn qatt qabel hekk kif kienet fiċ-ċentru ta’ żewġ tindifiet li saru minn numru mdaqqas ta’ attivisti.
L-inizjattiva kienet ta’ kumpanija tal-gaming lokali li magħha ngħaqdu l-għaqdiet ambjentali Żibel, No to Plastic Malta kif ukoll l-attivist ambjentali Raniero Borg.
Dan wassal biex fl-ewwel clean up, li saret f’Mejju, inġabru biċċiet tal-injam, mijiet ta’ tappijiet tal-plastik kif ukoll xbiek tas-sajd u saħansitra krakar tal-baħar.
L-għaqdiet ambjentali rritornaw fil-Jum Dinji ddedikat għall-Oċeani, nhar is-Sibt li għadda, fejn iffukaw ukoll fuq il-qiegħ tal-baħar minn fejn fost oħrajn ittellgħu l-bċejjeċ ta’ dgħajsa li kienet mgħarrqa.
Biex sar dan, kien hemm bżonn l-għajnuna ta’ diversi għaddasa, kif ukoll dgħajsa li għenet biex jittella’ l-ammont inkredibbli ta’ skart miż-żona. Mal-wasla fuq l-art, dawk involuti nġabru flimkien ukoll biex jisseparaw l-iskart.Sfortunatament, iż-żona li tnaddfet hi magħrufa għall-ammont ta’ skart li jinġabar fiha. Dan anke minħabba li l-mewġ ikaxkar ammont kbir ta’ kull tip ta’ skart għal fuq il-blat. Din is-sitwazzjoni tixhed il-problema globali tal-iskart li qed iniġġes l-ibħra tagħna.
//= $special ?>
