-Simon Busuttil, PN
Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal li liġi tas-separazzjoni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenrali hi anti-Ewropea, ma tiggarantixxix l-indipendenza u hi falza għaliex se tagħti iktar poteri lill-Prim Ministru li se jkun hu li se jagħżel lill-Prosekutur u lill-Avukat tal-Istat.
Meta kien qed jitkellem fil-parlament, Simon Busuttil qal din il-liġi se tagħmel is-sitwazzjoni agħar għaliex issa se jkun hemm żewġ uffiċċji tal-Avukat Ġenerali ikkontrollati mill-gvern. Dan hu kollu daħk fil-wiċċ fejn il-gvern qed jibqa’ għaddej b’arroganza u suppervja bi skop ħażin.
Is-siwtazzjoni hi gravi fejn il-Prim Ministru jikkontrolla l-istituzzjonijiet kollha tal-pajjiż u issa se jikkontrolla wkoll l-Avukat tal-Istat. Għal eluf ta’ Maltin li jħossu li d-demokrazja qed titnaqqar, din il-liġi hi assurdità u paraventu għal iktar kontroll mill-gvern.
Anki għall-Ewropa, dan l-abbozz mhux aċċettabbli għaliex jagħmel bil-maqlub ta’ dak li qalet il-Kummissjoni Venezja. Dan hu ingann ta’ gvern li jilgħabha tal-Ewropew akkanit iżda hu biss Ewropew imqanżaħ. Din il-liġi għad trid tinbidel wara li l-Ewropa tgħid lill-gvern Malti biex jibdilha.
Simon Busuttil qal li l-gvern ma ressaqx dan l-abbozz minn jeddu iżda ressqu għax kellu pressjoni mill-Ewropa minħabba l-oxxenitajiet kbar li qed isiru mill-pajjiż. L-Ewropa qed tikkundanna lill-gvern għall-mod kif il-Prim Ministru ħataf il-poter fil-pajjiż fejn min jipprova jirreżisti jaqlagħha fuq rasu.
L-Ewropa qed tarah dan u kien propju b’riżultat tal-pressjoni mill-Ewropa biex il-gvern iċċaqlaq. L-Oppożizzjoni kienet ilha tgħid lill-gvern Malti biex jieħu passi iżda għall-ewwel il-gvern Laburista injora lill-Opożizzjoni iżda issa kellu jċedi għall-pressjoni tal-Ewropa.
Simon Busuttil qal li taħt gvern Nazzjonalista s-sitwazzjoni kienet l-istess iżda l-AĠ kien jitħalla jopera waqt li Gvern Laburista ħataf l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali taħt idejh. Sfortunatament il-Gvern Laburista ġab Avukat Ġenerali li jbaxxi rasu għall-istess gvern Laburista li qed jgħaddi minn fuqu bħal tapit. Hu qal li dan l-Avukat Ġenerali appuntah Gvern Nazzjonalista u kien mistenni iktar minnu.
L-Avukat Ġenerali hu wkoll iċ-chairman tal-FIAU iżda meta l-Avukat Ġenerali ma ddefendiex l-indipendenza tiegħu, il-pajjiż spiċċa f’sitwazzjoni perikoluża b’diversi rapporti tal-FIAU fejn kien stabbilit li Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhom ikunu investigati fuq ħasil tal-flus. Flok ħa passi, l-Avukat Ġenerali ħasel idejh u ma nvestigahx. Il-pajjiż ilu tliet snin b’żewġ membri tal-Kabinett li nqbadu jħammġu jdejhom bil-korruzzjoni. Din hi parodija tas-saltna tad-dritt.
Simon Busuttil qal li kellu jmur il-qorti fejn kontrih sab lill-istess nies flimkien mal-Avukat Ġenerali jiddefendu lil xulxin. Din hi sitwazzjoni ta’ stat mafjuż, sostna Simon Busuttil, li kompla li l-akbar tort mhux tal-AĠ iżda tal-Prim Ministru li qed jagħti impunità għall-korruzzjoni fl-uffiċċju tiegħu stess.
Sa minn tliet snin ilu, l-Oppożizzjoni bdiet tinsisti li l-AĠ għandu jirriżenja għax dan ma tkellimx u għaliex naqas mid-doveri tiegħu. L-Oppożizzjoni pproponiet ukoll li jinqasmu r-responsabbiltajiet tal-AĠ wara li l-AĠ ipprefera li jiddefendi lill-Prim Ministru Joseph Muscat.
Simon Busuttil qal li l-PN qed jitlob lill-Ewropa biex tingħata l-protezzjoni li dan il-gvern mhux jagħti għaliex inkella d-demokrazija Maltija tispiċċa. L-istituzzjonijiet Ewropej ma ħadux gost b’dak li qed jiġri fil-pajjiż għaliex dawn l-affarijiet ma ssibhomx fl-Ewropa. Għalhekk qed tibda tissikka l-morsa madwar il-pajjiż li ma jirrispettawx id-demokrazija u s-saltna tad-dritt.
Din il-liġi kellha tkun preżentata bħala pakkett sħiħ ta’ riformi għaliex il-problema hi li l-istituzzjonijiet kollha nħatfu mill-Prim Minitru. Għalhekk dawn ma jistgħux jikkontrollaw il-poteri tal-Prim Ministru u ma jistgħux iħarrku lill-ministri korrotti flimkien mal-Pulizija, l-AĠ u l-FIAU. Issa l-problema ggravat iktar għax ank l-qrati qed jaqgħu taħt il-kontroll tal-gvern billi l-gvern jappunta ħatriet partiġġjani. Billi jgħajjar lill-Oppożizzjoni ‘tradituri’ l-gvern jaf li m’hu se jasal imkien u għalhekk kellu jressaq din il-liġi.
Simon Busuttil qal li l-proposti tal-gvern m’humiex tajbin u seta’ ħoloq żewġ entitjajiet indipendenti; dik ta’ Prosekutur u Avukat tal-Istat u l-Oppożizzjoni kienet taqbel magħha. Iżda dan hu abbozz li qed iqarraq bin-nies u issa se jkollna żewġ pupazzi. Dan hu pass lura għaliex il-Prim Ministru se jaħtar hu l-kariga ta’ Prosekutur li se jissejjaħ AĠ waqt li lill-Avukat tal-Gvern se jsejjaħlu Avukat tal-Istat.
Simon Busuttil kompla li l-AĠ preżenti ma jistax ikun il-Prosekutur għaliex ma ħax passi kontra l-korruzzjoni. Dan se jitħalla hemm għaliex il-Gvern komdu bih u għax jagħmlu li jridu bih. Taħt dan il-gvern jingħażlu dejjem in-nies li jrid Joseph Muscat. Din mhix indipendenza!
Il-gvern mhux se jidħaq bil-PN jew bl-Ewropa, sostna Simon Busuttil, li enfażizza l-importanza li l-indipendenza titlob li l-kariga importanti fil-pajjiż għandhom jinħatru biż-żewġ terzi tal-parlament bħall-Ombudsman u l-Awditur Ġenerali. Jeħtieġ ukoll li d-deċiżjonijiet tal-Prosekutur jistgħu jkunu skrutinizzati f’każi li dan ma jieħux passi. Dan qed tipproponieh il-Kummissjoni Venezja iżda l-gvern ma jridx jaċċetta dawn il-kundizzjonijiet bażiċi għall-indipendenza.
//= $special ?>