Lokali

Il-passaporti Maltin riklamati minn bank fil-Latvja assoċjat ma’ network kriminali

Il-bank tal-Latvja ABLV, li fil-konfront tiegħu hemm diversi akkużi ta’ ħasil ta’ flus u assoċjazzjoni mal-Bank Pilatu, kien qed jippromwovi l-bejgħ tal-passaport Malti mal-klijenti tiegħu.

L-informazzjoni kienet żvelata minn The Shift, li f’artiklu rrappurtat kif il-klijenti tal-bank kienu mħeġġa jixtru passaport Malti.

Dan wara li l-istazzjon nazzjonali tal-Latvja (LSM) ukoll irrapporta li kumpanija sussidjarja ta’ ABLV, l-ABLV Corporate Services, ħeġġet lill-klijenti biex jixtru l-passaport Malti biex b’hekk jiksbu permess ta’ residenza f’Malta u l-Latvja.

ABLV hu wkoll il-bank imsemmi mill-familja Caruana Galizia f’rapport lil-awtoritajiet tal-Latvja b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-familja tagħha temmen li network kriminali hu wara l-qtil tagħha. Fir-rapport jissemmew kemm l-ABLV kif ukoll il-Bank Pilatus f’xibka ta’ persuni relatati mal-ħasil tal-flus. Kemm ABLV kif ukoll Pilatus filfatt huma akkużati b’ħasil ta’ flus fl-Istati Uniti.