Sport Waterpolo

Illum jibda l-istaġun tas-sajf tal-waterpolo … tispikka Neptunes v San Ġiljan

(Ritratt: Martin Agius)

Illum fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq jingħata bidu għall-istaġun tas-sajf bi programm ta’ tliet logħbiet. Dan l-istaġun se jkun partikolari hekk kif se jkun l-ewwel kampjonat wara t-tibdil fir-regoli li saru fil-waterpolo internazzjonali, kif ukoll se jara r-ritorn ta’ żewġ barranin f’kull tim. L-ewwel logħba fil-programm hi s-Super Cup tan-nisa bejn Exiles Elia Caterers u Sliema Frank Salt.

Bla dubju li l-aktar logħba mistennija hi l-aħħar waħda bejn ir-rivali Neptunes Leo Vegas u San Ġiljan TUM Invest għar-rebħ tat-Tazza tal-President. Dawn iż-żewġ timijiet mistennija jkunu l-isfidanti ewlenin għar-rebħ tal-kampjonat u din il-logħba tista’ tfisser ukoll rebħa għal moral, wara li l-Ġiljaniżi rebħu l-Enemed Cup filwaqt li Neptunes rebħu l-kampjonat tax-xitwa.

Neptunes se jkollhom lura lill-aħwa Stevie u Jordan Camlleri wara staġun ma’ Roma filwaqt li se jkollhom lil Peter Muslin u Darko Brguljan bħala l-barranin tagħhom. Muslim lagħab ma’ Neptunes fl-istaġun li għadda filwaqt li Brguljan lagħab f’pajjiżna f’esperjenzi qosra ma’ San Ġiljan u Birżebbuġa.

San Ġiljan se jkollhom lil Guillermo Molina u Niksa Dobud. Għal Molina mhux se tkun l-ewwel esperjenza f’pajjiżna wara li lagħab fl-2015 fl-istaġun memorbabbli Ġiljaniż u sentejn ilu lagħab ma’ Sliema. Dobud se jilgħab f’dan il-kampjonat għall-ewwel darba.

Neptunes hu l-aktar tim li rebaħ it-Tazza tal-President b’disa’ suċċessi iżda l-aħħar unur f’din il-kompetizzjoni wasal fl-2014. San Ġiljan rebħu l-kompetizzjoni erba’ darbiet, tlieta minnhom fl-aħħar tliet snin.

Iċ-champions tal-Ewwel Diviżjoni Marsaxlokk Brown’s Pharmacy jilagħbu kontra r-rebbieħa tan-knock-out Marsaskala Fish and Fish għat-Tazza Għaqda Ġurnalisti Sports. Ix-Xlukkajri jidher li għad għandhom l-aktar tim komplet mill-Ewwel Diviżjoni iżda speċjalment f’dan l-istadju tal-istaġun, il-logħba tkun miftuħa għal kull riżultat.

Il-barranin ta’ Marsaxlokk se jkunu r-Russu Ivan Nagaev fl-ewwel esperjenza f’pajjiżna u l-Kroat Andrija Vlahovic li fl-aħħar żewġ staġuni lagħab proprju ma’ Marsaskala. Fuq in-naħa l-oħra, Marsaskala se jkollhom bħala barranin lil Kristijan Milakovic u Kanstatin Averka f’dik li se tkun l-ewwel esperjenza tiegħu f’pajjiżna. Marsaxlokk rebħu l-aħħar żewġ edizzjonijiet 10-9 kontra l-istess Marsaskala fl-2017 filwaqt li s-sena l-oħra ħarġu rebbieħa 11-9 kontra Birżebbuġa.

Illum

Super Cup tan-nisa

Exiles v Sliema              5.30pm

Tazza Għaqda Ġurnalisti Sports

M’xlokk v M’skala        6.45pm

Tazza tal-President

Neptunes v San Ġiljan   8.00pm