Tlett irġiel inżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti akkużati li f’Mejju li għadda fil-Mosta ħebbew għal anzjan ta’ 66 sena.
It-tlett akkużati huma Braden Grixti ta’ 26 sena mill-Belt, Roderick Zahra ta’ 32 sena u Geatano Farrugia ta’ 41 sena mill-Pietà. Huma kienu akkużati li fit-22 ta’ Mejju wettqu serq aggravat bi vjolenza fuq anzjan ta’ 66 sena, li żammewh marbut kontra l-volontà tiegħu u kkaġunawlu ġrieħi ħfief. Braden Grixti waħdu kien akkużat ukoll li sar riċediv.
L-akkużati wieġbu li mhumiex ħatja tal-akkużi u l-avukati difensuri tagħhom għamlu talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Fabian Fleri u Lydon Zammit, oġġezzjonaw għal din it-talba minħabba li l-anzjan safa vittma ta’ serq b’aggressjoni, tant li kien marbut waqt il-ħin li twettaq ir-reat. Qalu wkoll li fadal numru ta’ xhieda li jridu jagħtu t-testimonjanza tagħhom.
Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
L-avukat Franco Debono deher għal Grixti, l-avukat Manwel Mallia deher għal Zahra mentri l-avukat Mario Mifsud deher għal Farrugia.
//= $special ?>