Basketball Sport

Jirtira l-erba’ darbiet rebbieħ tal-NBA Tony Parker

L-erba’ darbiet rebbieħ tal-NBA Tony Parker ħabbar li rtira mill-basketball fl-età ta’ 37 sena. Il-Franċiż li jilgħab fl-irwol ta’ point guard, ingħaqad ma’ San Antonio Spurs fl-2001 u magħhom rebaħ it-titlu fl-2003, fl-2005, fl-2007 u fl-2014. Parker rebaħ il-Kampjonat Ewropew ma’ Franza fl-2013.

Hu lagħab l-istaġun li għadda ma’ Charlotte Hornets b’total ta’ 56 logħba milgħuba fl-istaġun iżda dejjem beda minn fuq il-bank. Parker stqarr li jekk ma setax ikun hu nnifsu aktar u ma jistax jissielet għar-rebħ tal-kampjonat, ma riedx jilgħab aktar il-basketball.

Parker beda 1,151 logħba fl-istaġuni regolari li lagħab fl-NBA, b’medja ta’ 15.5 punti u 5.6 assists kull logħba. Hu lagħab ukoll 226 logħba fil-play-offs b’medja ta’ 17.9 punti u 5.1 assists kull logħba. Tony Parker stqarr li lanqas fil-ħolm ma kien jaħseb li kien se jgħix il-mument li għex fl-NBA u t-tim nazzjonali Franċiż.