Minkejja l-pompi tal-Gvern Laburista – partikolarment mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana – bil-wasla tar-raba’ vapur tal-Gozo Channel, il-Ministru Caruana nfisha kellha tammetti ma’ dawk ta’ madwarha li dan il-vapur għadu mhux operabbli.
Waqt iż-żjara li għamlet abbord il-vapur, imdawra biss mill-crew tal-Ministeru u tal-kumpanija, il-Ministru qalet lil wieħed mill-uffiċjali biswitha li dan il-vapur għadu mhux operabbli, f’konferma għat-tħassib ta’ ħafna li r-raba’ vapur inġieb ta’ malajr u bla pjanar ta’ xejn.
Dan kuntrarju għall-mod kif inġiebu t-tliet vapuri tal-kumpanija minn Gvern Nazzjonalista, li kienu nxtraw wara li nħadmu f’pajjiżna stess, bir-raba’ vapur inġieb wara li nkera għal eluf ta’ ewro fis-sena.
Anke dwar dan, il-Ministru Justyne Caruana ma ħassithiex komda twieġeb lill-media. Fil-fatt, mistoqsija mill-ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt kemm kien l-investiment biex inġieb dan il-vapur, hi nħbiet biss wara t-tweġiba tipika tal-Ministri Laburisti … li din hi “informazzjoni kummerċjalment sensittiva”.

Din it-tweġiba saret sintomatika għal dan il-Gvern, minkejja l-wegħda qabel l-elezzjoni tal-2013 li Gvern immexxi mill-Partit Laburista jkun aktar trasparenti f’ħidmietu. Iżda l-verità wara dan il-vapur, li għadu mhux operabbli, hi li r-raba’ vapur tal-Gozo Channel għandu 32 sena u nkera għal eluf ta’ ewro fis-sena – ammont li s’issa nżamm mistur mill-Gvern.
Dan kollu diġà ġie żvelat fil-ġimgħat li għaddew mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said. Barra minhekk, dan inġieb ukoll bl-ekwipaġġ b’kollox, f’sinjal ċar ta’ sfiduċja li l-Gvern Laburista għamel fil-konfront tal-ħaddiema tal-kumpanija.