Futbol Sport

L-Istati Uniti tikseb rebħa rekord filwaqt li l-Iżvezja u l-Olanda jirbħu lejn it-tmiem

(Ritratt: EPA)

L-Istati Uniti kisbet l-akbar rebħa fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja tan-nisa b’rebħa ta’ 13-0 kontra t-Tajlandja. Iċ-champions tad-dinja kienu 3-0 sa tmiem l-ewwel taqsima, skorja erba’ gowls fl-ewwel għaxar minuti tat-tieni taqsima u żiedu sitta oħra fl-aħħar 16-il minuta.

Alex Morgan skorjat ħames gowls b’żewġ gowls għal Rose Lavelle u Samantha Mewis u gowl kull wieħed għal Lindsey Horan, Megan Rapinoe, Mallory Pugh u Carlo Lloyd. B’hekk inkiser ir-rekord tal-Ġermanja li kienet rebħet 11-0 kontra l-Arġentina.

Żewġ gowls tard fil-logħba taw bidu pożittiv lill-Iżvezja u temmew ir-reżistenza taċ-Ċili f’logħba li ntlagħbet taħt xita kontinwa. Kosovare Asllani fetħet l-iskor fit-83 minuta b’xutt fis-saqaf tax-xibka biex is-sostitut Madelen Janogy għalqet il-logħba fil-95 minuta b’azzjoni personali.

Iċ-champions Ewropej l-Olanda kisbu wkoll rebħa diffiċli lejn it-tmiem kontra New Zealand. L-Olandiżi ddominaw il-pussess iżda New Zealand kienu kważi fetħu l-iskor fl-ewwel taqsima meta Olivia Chance laqtet il-lasta. Il-gowl rebbieħ wasal fil-ħin miżjud tat-tieni taqsima b’daqqa ta’ ras tas-sostitut Jill Roord.

Tazza tad-Dinja

Grupp E: New Zealand v Olanda 0-1

Grupp F: Ċili v Żvezja 0-2, Stati Uniti v Tajlandja 13-0

Logħob li jmiss

Grupp A: Niġerja v Franza 3.00pm, Franza v Norveġja 9.00pm

Grupp B: Ġermanja v Spanja 6.00pm