Futbol Sport

L-Italja tikseb rebħa diffiċli iżda importanti u t-Turkija megħluba mill-Iżlanda

(Ritratt: EPA)

It-tim nazzjonali Taljan kiseb ir-raba’ rebħa minn erba’ logħbiet fi Grupp J meta dawwar telfa f’rebħa biex rebaħ 2-1 kontra l-Bożnija fl-Allianz Stadium. Kien l-Bożnija li fetħet l-iskor fit-32 minuta b’gowl ta’ EDIN DZEKO li kompla mill-viċin wara kross mil-lemin. Fit-tieni taqsima t-Taljani wettqu reazzjoni u meritatament ġabu d-draw fid-49 minuta meta minn korner ta’ Federico Bernardeschi, LORENZO INSIGNE għeleb lil Ibrahim Sehic b’xutt mill-ewwel minn barra l-kaxxa. It-tim ta’ Roberto Mancini fetaħ aktar biex jattakka u f’xi mumenti ssugraw li jsofru l-gowl, iżda fis-86 minuta wasal il-gowl tar-rebħa b’passaġġ ta’ Insigne lejn MARCO VERRATTI li skorja b’xutt fil-baxx għar-rokna.

Ftit jiem wara li għelbet lil Franza, it-Turkija tilfet l-ewwel punti fi Grupp H meta sfat megħluba mill-Iżlanda 2-1. Kien id-difensur RAGNAR SIGURDSSON li fetaħ l-iskor meta ħa vantaġġ minn nuqqas fid-difiża avversarja u skorja minn azzjoni ta’ free-kick. L-istess RAGNAR SIGURDSSON irdoppja fit-32 minuta b’daqqa ta’ ras oħra mill-viċin din id-darba minn azzjoni li bdiet minn korner. It-Turkija naqqset id-distakk fid-39 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ DORUKHAN TOKOZ minn korner.

Franza rkuprat mit-telfa kontra t-Turkija b’rebħa ta’ 4-0 kontra l-Andorra. KYLIAN MBAPPE qabbeż fuq Josep Gomes biex poġġa lil Franza minn fuq wara 11-il minuta u rduppjaw man-nofs siegħa logħob b’xutt minn pożizzjoni ċentrali ta’ WISSAM BEN YEDDER. FLORIAN THAUVIN kabbar l-iskor qabel tmiem l-ewwel taqsima b’xutt mill-ewwel biex KURT ZOUMA skorja r-raba’ gowl mas-siegħa logħob mill-viċin.

Il-Belġju baqgħet b’punti massimi minn Grupp I b’rebħa ta’ 3-0 f’darhom kontra l-Iskozja. ROMELU LUKAKU fetaħ l-iskor b’daqqa ta’ ras fil-45 minuta, biex l-istess ROMELU LUKAKU rdoppja fis-57 minuta b’gowl minn rebound wara li xutt ta’ Kevin de Bruyne kien salvat parzjalment. Il-Belġjani ssiġillaw ir-rebħa fit-92 minuta b’xutt fil-baxx għar-rokna ta’ KEVIN DE BRUYNE.

Mill-istess grupp, ir-Russja rebħet 1-0 kontra Ċipru bil-gowl rebbieħ ikun skorjat fit-38 minuta b’xutt fil-baxx fuq il-ġirja ta’ ALEKSEY IONOV.

Faċli għat-tim Ġermaniż kontra l-Estonja b’rebħa kbira ta’ 8-0. Għat-tim ta’ Löw skorjaw doppjetta Marco Reus u Serge Gnabry u gowl kull wieħed minn Leon Goretzka, penalty ta’ Ilkay Gündogan, Timo Werner u Leroy Sane.

Riżultati kollha

Grupp Ċ: Belarus v Irlanda ta’ Fuq 0-1, Ġermanja v Estonja 8-0

Grupp E: Ażerbajġan v Slovakkja 1-5, Ungerija v Wales 1-0

Grupp H: Albanija v Moldova 2-0, Andorra v Franza 0-4, Iżlanda v Turkija 2-1

Grupp I: Każakistan v San Marino 4-0, Belġju v Skozja 3-0, Russja v Ċipru 1-0

Grupp J: Greċja v Armenja 2-3, Italja v Bożnija 2-1, Liechtenstein v Finlandja 0-2