Ikomplu l-wasliet tal-immigranti f’Malta hekk kif il-Forzi Armati ta’ pajjiżna salvaw 97 immigrant ieħor miż-żona ta’ tiftix u salvataġġ fir-responsabbiltà ta’ Malta.
L-immigranti ddaħħlu għall-ħabta tas-6.40 tat-Tlieta filgħodu fil-kwartieri tal-Iskwadra Marittima f’Xatt it-Tiben fil-Floriana abbord il-patrol boat tal-Forzi Armati, il-P61.
F’Xatt it-Tiben, l-immigranti ngħataw f’idejn Pulizija mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni li ħaduhom fiċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa permezz ta’ xarabanks tal-korp.
B’din l-aħħar wasla, issa l-ammont ta’ immigranti li ddaħħlu f’Malta f’inqas minn xahar jitla’ għal kważi 722 persuna.
L-ikbar ġurnata sinifikattiva f’dak li għandu x’jaqsam mal-wasliet f’Malta kienet nhar l-Erbgħa 5 ta’ Ġunju, meta f’ġurnata waħda biss, iddaħħlu madwar 370 immigrant fi tlett operazzjonijiet separati tal-Forzi Armati ta’ Malta.
It-temp kalm fiċ-ċentru tal-Mediterran qed jgħin mhux ftit biex traffikanti ta’ persuni jissoktaw bi vjaġġi klandestini lejn l-Ewropa, b’rapporti varji jirreferu għall-moviment ta’ eluf kbar mill-kosta Afrikana u li mistennija jaqsmu lejn l-Ewropa fil-ġimgħat li ġejjin. Fil-fatt fl-aħħar sigħat waslu aħbarijiet xejn sbieh mill-Grecja, fejn hemm rapporti ta’ dinghy mimli bl-immigranti li inqaleb ‘il barra mill-gżira ta’ Lesbos. Qed jingħad li f’din it-traġedja mietu 6 persuni.
//= $special ?>