Sport Waterpolo

Marsaxlokk jirbħu t-Tazza Għaqda Ġurnalisti Sports għat-tielet sena konsekuttiva

MARSAXLOKK BROWN’S………… 13 MARSASKALA FISH AND FISH…. 8

(4-1), (2-5), (3-2), (4-0)

Bidu tajjeb fl-ewwel sessjoni kien determinanti biex Marsaxlokk Brown’s Pharmacy rebħu għat-tielet staġun konsekuttiv it-Tazza Għaqda Ġurnalisti Sports. Huma għelbu lil Marsaskala Fish and Fish 13-8. Għal Marsaskala għamlu d-debutt iż-żewġ barranin filwaqt li għax-Xlukkajri għamlu d-debutt Ivan Nagaev filwaqt li Andrija Vlahovic lagħab ma’ Marsaxlokk għall-ewwel darba wara li lagħab ma’ Marsaskala fl-aħħar żewġ staġuni.

Fl-ewwel sessjoni spikka r-Russu Ivan Nagaev li skorja l-erba’ gowls ta’ Marsaxlokk, b’Jan Culic jiskorja bejniethom. Iżda dak li deher negattiv għal Marsaskala spiċċa biex dar f’pożittiv hekk kif il-kowċ Dorian Pisani tefa’ lil Kristijan Milakovic b’markatura fuq Nagaev, wara li d-debuttant Konstantin Averka spiċċa fouled-out fil-bidu tat-tieni sessjoni.

Marsaskala rnexxielhom jirkupraw id-distakk, b’Milakovic jiskorja tripletta għal riżultat parzjali ta’ 6-6. Ix-Xlukkajri reġgħu marru darbtejn minn fuq iżda fiż-żewġ okkażjonijiet Marsaskala ġabu d-draw f’sinjal ċar li rkupraw wara bidu ħażin. Madankollu kien gowl ta’ Stephen Micallef fl-aħħar sitt sekondi tat-tielet sessjoni. Dan il-gowl spiċċa biex ta l-vantaġġ neċessarju lit-tim ta’ Joe Cremona hekk kif b’doppjetta ta’ Nagaev lejn nofs l-aħħar sessjoni għalqu l-logħba.

Fi tmiem il-logħba, is-Segretarju Organizzattiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Antvin Monseigneur ippreżenta t-trofew lill-captain ta’ Marsaxlokk Ryan Coleiro.

Marsaxlokk: R. Coleiro, J. Galea, M. Cacici, J. Rizzo Naudi, M. Martellacci, T. Agius, A. Vlahovic (2), I. Nagaev (7), S. Micallef (1), R. Scerri (1), O. Zammit, M. Rizzo (1), F. Buhagiar, K. Galea (1)

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, A. Camenzuli, M. Manara, M. Aquilina, L. Grixti, K. Navarro (1), K. Milakovic (3), K. Averka, J. Culic, R. Attard (2), D. Borg Millo, M. Borg, L. Felice (1), J. Ciantar (1)

Referees: Peter Balzan, Riccardo Carmignani