Parlament

Meħtieġa iktar aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà u iktar opportunitajiet għall-Għawdxin

Fl-ewwel diskors tiegħu fil-parlament, id-deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar enfażizza l-karba tal-Għawdxin għal iktar aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà fil-pajjiż u għal iktar opportunitajiet għall-Għawdxin biex dawn jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom.

Id-deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar qal li hu privileġġ li jkun deputat u rringrazzja lill-Oppożizzjoni u lill-elettorat Għawdxi li tawh din l-opportuntà. Hu tkellem dwar il-kandidatura tiegħu fuq Għawdex u qal li hu persuna nieqsa mid-dawl wara li tilfiha ta’ 13-il sena. Nemmen li trid tgħix il-ħajja fil-milja tagħha u għalhekk ħlift li ħadd u xejn mhu se jżommni għaliex id-diżabbiltà hi sfida bħall-isfidi l-oħrajn fil-ħajja.

Id-diżabbiltà mhix traġedja, sostna Kevin Cutajar, li kompla li anki l-parlament issa aċċetta li jieħu din l-isfida. Dan hu messaġġ pożittiv għaliex din hi sfida wkoll għas-sistema li jaħdem biha l-parlament.

Kevin Cutajar tkellem dwar Għawdex u qal li f’Għawdex hemm karba partikolari; l-insularità doppja tal-gżira. Dejjem konna fi żvantaġġ fl-opportunitajiet għall-Għawdxin, sostna d-deputat Nazzjonalista li kompla li jeħtieġ li din l-isfida tkun indirizzata qabel.

L-Għawdxin qed ikunu kostretti li jitilqu minn Għawdex minkejja li kien hemm Għawdxin li mxew ‘il quddiem iżda l-amministrazzjoni m’għarfitx timxi bl-istes smod. Jeħtieġ li l-amministrazzjoni tgħaraf taqra ż-żminijiet biex din tlaħħaq mal-mixja tal-poplu Għawdxi.

Kevin Cutajar kompla li Għawdex qed jitbattal mill-ġenerazzjonijiet futuri tiegħu.

Hu tkellem dwar il-karba tal-persuni b’diżabbiltà f’Malta u Għawdex fejn minkejja l-avvanzi li saru għad hemm setturi li l-pajjiż għadu lura fihom. L-aċċessibbiltà fil-pajjiż għadha lura fejn il-persuni b’diżabbiltà qed ikunu mxekkla milli javvanzaw fil-ħajja tagħhom. Il-parlament irid jagħmel iktar fl-aċċessibbiltà, sostna kevin Cutajar.