Lokali

Net TV u Net FM iżommu l-udjenzi tagħhom

Skont stħarriġ ta’ l-opinjoni publika maħruġ mill-Awtorita tax-Xandir u li sar matul Marzu, qabel il-kampanja elettorali, NET TV u Net FM komplew iżommu l-udjenzi tagħhom.

Fuq NET TV, Net News huwa l-aktar segwit, imbgħad bħala programmi hemm Sorsi Infurmati illi jaqbeż ukoll programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti kemm fuq l-istazzjon nazzjonali kif ukoll fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista.

L-aktar drama segwita fuq Net Television kienet id-drama Fattigi li se tkompli minn Ottubru li ġej. Kisbu wkoll udjenzi tajbin id-drama It’s Morris, Puree u l-programm ta’ ġrajjiet kurrenti Net Live, waqt li Replay huwa l-aktar programm tal-futbol segwit mill-istazzjonijiet kollha. Il-programm SportExtra huwa l-aktar segwit fejn jidħol multi-sport.

Il-programm Tearoom jikseb ukoll udjenzi aktar mill-istazzjonijiet l-ohra f’ċerti ġranet matul il-ġimgħa. Irreġistra ukoll udjenzi tajbin ir-Reality Show Akila.

​Net TV irreġistra udjenzi ġodda f’ħinijiet li fihom ma kienx b’saħtu bħalma hi l-faxxa ta’ filgħodu kif ukoll il-Ħadd waranofsinhar.

NET FM ukoll żamm l-udjenzi tiegħu.​ ​Il-programm Club101 immexxi minn Eileen Montesin hu l-iżjed segwit fuq ir-radju waqt li l-breakfast show Wake Up Call ma’ Stephanie, Dylon u Janet jiġi warajh.​

Intant, id-diriġenti diġa’ qed jaħdmu sabiex ikomplu jsaħħu l-udjenzi tal-istazzjonijiet bi programmi varji għall-iskedi li jmiss.