Is-sitwazzjoni fl-Isptar Monte Carmeli tant hi prekarja, li madwar 30 pazjent se jkunu qed jiġu trasferiti lejn istituzzjoni privata minħabba n-nuqqas ta’ infermieri jew carers li jieħdu ħsiebhom.
Dan żvelah Paul Pace, il-President tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN), meta kien mistieden fil-programm Iswed fuq l-Abjad fuq NET Television. Hu kompla li 75 fil-mija tal-Isptar Monte Carmeli għandu problemi strutturali fis-soqfa – minn kmamar għall-pazjenti sa swali għall-viżitaturi. Oħrajn kellhom jitbatlu u allura, pazjenti spiċċaw stivati fuq xulxin.
Meta bdew jidhru l-ewwel problemi fl-infrastruttura, qatt ma saru xogħolijiet. Minflok, ittellgħu protezzjonijiet biex is-saqaf ma jċedix. Kien għalhekk li l-MUMN iddeċidiet li tagħmel pressjoni bil-media minflok ma ddaħħal azzjonijiet industrijali.
Paul Pace qal li grazzi għal dawn it-taħdidiet, beda jiċċaqlaq xi ħaġa, tant li ħarġu s-sejħiet għall-parteċipazzjoni. Min-naħa l-oħra, f’ċirkostanzi oħrajn, saru direct orders mill-ewwel, iżda għall-Isptar Monte Carmeli, id-direct orders kienu a no-no area.
Anke fis-sitwazzjoni tal-infermiera hemm nuqqas kbir, fost l-oħrajn b’każijiet fejn pazjenti jaħarbu mill-Isptar Monte Carmeli għax m’hemmx biżżejjed infermiera u staff ieħor li jlaħħaq mal-pazjenti kollha li hemm. Minflok, qed ikollhom jitqabbdu l-carers tal-kuntrattur privat.
Il-President tal-MUMN qal li f’Monte Carmeli, hemm bżonn ta’ ranġatura mill-qigħ nett għax is-sitwazzjoni attwali qed toħloq inkonvenjenti kbar lill-pazjenti kollha. Dan flimkien ma’ ċirkostanzi oħrajn, bħal meta f’Monte Carmeli jintbagħtu persuni bil-vizzju tad-droga.
Matul il-programm, ippreżentat minn Simon Vella Gregorry, kienet trattata wkoll is-sitwazzjoni ma’ Steward Healthcare dwar il-Fiżjoterapisti fl-Isptar San Luqa.
Paul Pace fakkar kif wara d-dewmien mill-kumpanija li għandha f’idejha tliet Sptarijiet Pubbliċi biex toħroġ masterplan għat-tkabbir ta’ dan id-Dipartiment jew tagħmel xi investiment, l-Union ma kellhiex għażla oħra ħlief li tmur għad-direttivi.
Sadanittant, fit-tieni parti tal-programm, ingħaqad ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Mater Dei Ivan Falzon, li flimkien mal-President tal-MUMN iddiskuta l-kwistjoni tal-ikel fl-Isptar. Ivan Falzon qal li lest jiddiskuti l-azzjonijiet preżenti fid-dettal, anke minħabba d-delikatezza tal-post, l-impjegati u min jieħu s-servizzi.
Hekk kif din is-sena hi t-12-il waħda mill-ftuħ uffiċjali tal-Isptar Mater Dei, il-Kap Eżekuttiv qal li l-impjegati llum żdiedu b’tali mod li, fejn qabel kien ikollok infermiera għal kull sitt pazjenti, illum dan ir-ratio niżel għal infermera għal kull tlieta. Iżda fadal xi jsir.
Finalment, iż-żewġ mistednin irringazzjaw mill-qalb lill-istaff għad-dedikazzjoni li jaħdmu biha, minkejja l-isfidi li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum.
//= $special ?>