Lokali

Proġett għall-Floriana li qed iqajjem kontroversja

L-NGO Din l-Art Ħelwa daħħlet oġġezzjoni kontra observation wheel proposta fil-Floriana b’għoli ta’ 45 metru, u argumentat li din ikollha impatt negattiv fuq il-karattru storiku u l-apparenza tal-Floriana u tal-Belt Valletta, u anke tal-orizzont Malti. Apparti dan, l-NGO saħqet ukoll li din l-istruttura ċċekken il-Knisja Parrokkjali ta’ San Publiju, Pjazza San Publju u l-Ġnien tal-Mall. Se taffettwa wkoll il-Funtana tat-Tritoni fil-Floriana u l-madwar.  

Il-proġett li titwaqqaf Observation Wheel ħdejn il-Fosos tal-Floriana ġie deskritt bħala “inaċċettabbli” mill-għaqda Din l-Art Ħelwa.

Għal din ir-raġuni, Din l-Art Ħelwa, f’oġġezzjoni formali li daħħlet, qalet li l-bini ta’ din l-istruttura jikser il-Policy GF11 tal-Pjan Lokali tal-Port il-Kbir (April 2002) li jgħid li l-ebda żvilupp m’għandu jisraq mill-veduta ta’ u minn żona urbana ta’ konservazzjoni (UCA).

L-NGO kkwotat ukoll żewġ objettivi oħra li jinkisru bil-bini ta’ din l-istruttura.

Barra minn hekk, skont id-disinji, is-sit jieħu 600 metru kwadru ta’ art. Din l-Art Ħelwa qalet li filwaqt li din l-art diġà tintuża għal parkeġġ, sikwit tintuża wkoll għal avvenimenti pubbliċi kbar bħal kunċerti. B’hekk, bil-bini, tinkiser Policy GF13 tal-pjan imsemmi qabel.

It-tielet raġuni msemmija minn Din l-Art Ħelwa hija li din il-ferris wheel tieħu post tal-inqas 30 spazju tal-parkeġġ. Qalet li minkejja li dan ma jidhirx numru kbir, dan għandu jkollu konsegwenzi kbar fuq is-sitwazzjoni diġà skabruża.

X’qal il-Kunsill Lokali?

Il-Kunsill Lokali tal-Floriana kien diġà oġġezzjona unanimament għal din il-‘ferris wheel’ is-sena l-oħra, f’April tal-2018, meta din ġiet riklamata fil-Gazzetta tal-Gvern. Il-Kunsill talab kjarifika dwar jekk din kinitx se tkun temporanja jew permanenti. Huwa kien semma wkoll il-punti elenkati minn Din l-Art Ħelwa dwar il-wirt storiku u l-parkeġġ fiż-żona.

Tkellem dwar dan ukoll il-Minority Leader tal-lokal James Aaron Ellul fejn sostna li b’din l-istruttura qed tinkisser il-Policy GF 11. Huwa tenna li din l-istruttura se tagħmel aktar piż fuq il-lokalità, u ftit li xejn se tinvesti fir-resident. Fosthom din se toħloq aktar konġestjoni u problemi ta’ parkeġġ.

https://www.facebook.com/751965871557286/posts/2226614107425781/

Il-pubbliku għandu ċans sal-21 ta’ Ġunju biex iressaq l-oġġezzjonijiet tiegħu.