Tliet xhur wara li l-Gvern ħoloq linja tal-ajru ġdida u ta €58 miljun lil din il-kumpanija biex tixtri slots li qabel kienu jintużaw mill-Air Malta, issa l-kumpanija bl-isem Malta Air għaddiet f’idejn il-privat.
Dan hekk kif il-Gvern, flimkien ma’ uffiċjali tar-Ryan Air ħabbru li Malta Air għaddiet ghand il-kumpanija Irlandiża…bla ma ta ebda dettalji kemm gie jiswa’ dan id-deal li kien ko-ordinat mill-Ministru Konrad Mizzi.
Dan ifisser li l-Air Malta tnaqqsulha numru ta’ slots, u indirettament ingħatat għajnuna tal-istat – slots li issa minflok spiċċaw f’idejn Ryan Air.
Din il-mossa bi flus il-poplu issa iktar minn qatt qabel qed tidher bħala mossa biex il-linja nazzjonali tal-ajru tidher li qed topera bi profitt.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, kienu diversi l-ġurnalisti li nnutaw li din il-mossa ssegwi oħrajn li seħħew fl-aħħar xhur fosthom li l-Air Malta kompliet titlef is-slots tagħha kif ukoll li l-flights tagħha bdew jinbiegħu ukoll fuq is-sit tar-Ryan Air.
Tant hu hekk li l-uffiċjali preżenti għal iktar minn darba ndirizzaw tħassib li l-Air Malta ftit ftit qed titlef l-importanza tagħha u li tista’ tisfaxxa fix-xejn. Tqajmu dubji wkoll jekk il-ħaddiema tal-Air Malta jafux dwar dak li qed iseħħ.
It-trasferiment ta’ Malta Air lir-Ryan Air hi mossa oħra tal-Ministru Mizzi li kien involut ukoll f’diversi proġetti oħra suspettużi bħall-progett tal-power station tal-gass u l-bejgh tal-isptarijiet ta’ Malta lill-privat.
//= $special ?>
