Lokali

Żvelati sensiela ta’ abbużi fi ħdan Identity Malta

Għal numru ta’ xhur, impjegati ta’ Identity Malta kienu qed jirċievu allowances mal-paga tagħhom bl-iskop li jiġu kkuntentati wara li nqabżu fi promozzjonijiet li ħarġu.

Madankollu dawn l-allowances kienu rregolari u ħarġu biss biex il-ħaddiema jagħlqu ħalqhom u ma jikxfux it-taħwid u rregolaritajiet li huma r-regola tal-ġurnata fi ħdan Identity Malta. Is-sitwazzjoni tal-allowances irregolari inħolqot meta Identity Malta kienet taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Owen Bonnici, qabel sar re-shuffle mill-Gvern biex finalment din l-Aġenzija għaddiet għand Julia Farrugia Portelli, is-Segretarju Parlamentari li taħdem minn uffiċċju biswit il-Prim Ministru Joseph Muscat, f’Kastilja.

Dan hu biss wieħed minn sensiela ta’ skandli interni li nżammu moħbija fi ħdan Identity Malta, sakemm numru ta’ eks impjegati tal-istess aġenzija, imma wkoll Laburisti urtati li għadhom jaħdmu fl-istess post, għażlu li jikxfu dak kollu li ilu għaddej għall-aħħar snin u tkellmu mal-ġurnal In-Nazzjon. Dawn il-whistleblowers, li In-Nazzjon qed jipproteġi isimhom minħabba li diġa’ sofrew riperkussjonijiet sempliċiment għax tkellmu internament, spjegaw magħna fid-dettall dak kollu li għaddew minnu avolja huma wkoll Laburisti.

Il-każ tal-allowances irregolari mal-paga seħħ sentejn ilu, iżda kien biss ftit tal-jiem ilu li grupp ta’ whistleblowers għamlu kuntatt ma’ dan il-ġurnal wara li ma felħux iżjed jaraw diskriminazzjoni interna fuq diversi livelli.

Kollox beda meta internament ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet ta’ impjegati li xtaqu javvanzaw minn Data Input Clerks għal Asstistant Clerks. Dawk eliġibbli riedu 5 O’levels jew inkella sentejn esperjenza.

Waqt li wħud li applikaw kellhom biżżejjed kwalifiċi, ftit kienu dawk li kienu jikkwalifikaw abbażi tal-esperjenza. Dan hekk kif, mindu Gvern Soċjalista tela’ fil-Gvern, f’Identity Malta ddaħħlu ruxxmata persuni sempliċiment għax għandhom affiljazzjoni politika Laburista.

L-ilmenti tal-ħaddiema fost oħrajn bdew meta saru jafu li fost dawk li ħadu l-promozzjoni, kien hemm persuna li la kellu l-kwalifiċi u lanqas l-esperjenza neċessarja. Minkejja dan, l-applikazzjoni tiegħu ġiet aċċettata xorta waħda u ħa promozzjoni sħiħa bl-iskuża li għandu kundizzjoni medika serja. Fl-istess Aġenzija jaħdem ukoll missieru, li għandu kariga għolja.

Malli saru jafu l-impjegati l-oħra, bla dubju li qamet reazzjoni ta’ rabja u kienu diversi dawk li affaċċjaw lil wieħed mid-Diretturi ta’ Identity Malta. Biex jintogħġob mal-impjegati u jipprova jżomm milli din l-aħbar toħroġ fil-pubbliku, dan id-Direttur ħareġ bl-idea li joħroġ din l-allowance, minkejja li kien jaf li dan mhux permess. Tant hu hekk li, sakemm din l-allowance kienet għadha toħroġ, uffiċjali oħra u managers f’Identity Malta kienu diġa’ nnutaw li kienet xi ħaġa rregolari iżda ma nbidel xejn.

Kien biss xhur wara li d-Direttur li ħareġ b’din l-idea rregolari ġie trasferit internament biex fost oħrajn ma baqax f’kuntatt dirett mal-klijenti ta’ Identity Malta. Ironikament pero, għadu sal-lum-il ġurnata jiftaħar li din kienet promozzjoni. Dan għaliex, fost oħrajn, is-Segretarju Parlamentari responsabbli minn Identity Malta, Julia Farrugia Portelli, spiss kienet tirċievi rapporti minn impjegati oħra li jilmentaw li magħhom kien ikun agressiv u ardit, jgħajjat mal-istess impjegati u saħansitra jidgħi f’wiċċhom anke quddiem il-klijenti.

Saħansitra ninsabu nfurmati li ħabba fih, wieħed mill-clerks ta’ Identity Malta spiċċa trasferit lejn il-Head Office tal-Marsa għaliex ma kienx jara għajn b’għajn mal-istess Direttur. “Kienu qishom kelb u qattus,” spjegawlna l-impjegati, li nnutaw li s-sitwazzjoni tant kienet saret ħażina li ma kienx hemm triq oħra.

Madankollu, l-istess clerk irritorna lura f’Identity Malta malli dan id-Direttur ħa transfer. Sitwazzjoni li minkejja kollox kompliet tpoġġi fi kriżi lil Identity Malta. Dan għaliex In-Nazzjon jinsab infurmat li dan il-clerk għandu saħħa qawwija, tant li jiftaħar mal-ħaddiema li hu spiss ikun Kastilja u allura jippretendi li jinqeda mill-ewwel.

Filfatt il-whistleblowers li tkellmu magħna jirrakkuntaw diversi episodji fejn dan l-impjegat jidħol quddiemhom b’numru ta’ files u jordna lill-kollegi tiegħu biex iħaffu l-proċess tagħhom. Meta xi ħadd mhux tal-qalba jmur quddiemu, jew kien jiksru jew jagħmillu ħajtu miżerja u jħallieh jistenna għalxejn b’xejn.

Hu l-perċimes ukoll ta’ diversi ħatriet u impjegati li ddaħħlu f’Identity Malta minkejja li fost dawn l-impjegati saħansitra hemm min lanqas għandu eżami wieħed fis-CV tiegħu. Madankollu dawn intagħżlu minnu u saħansitra ġew rakkomandati minnu mal-managers ta’ Identity Malta għal promozzjoni. Fl-istess waqt, l-istess clerk kien jidħol u joħroġ mill-Aġenzija meta jogħġbu, mingħajr ma jippanċja u saħansitra ma jidħolx għax-xogħol bil-leave jew bis-sick leave mingħajr ma javża lil ħadd.
L-impjegati kienu mdejqa b’din is-sitwazzjoni, imma ftit li xejn kellhom saħħa għaliex kienu jafu li dan l-istess clerk kellu l-appoġġ ta’ diversi managers fi ħdan Identity Malta u beżgħu li ssir vendikazzjoni magħhom.

Tant kellu saħħa, li waħda mill-iktar Diretturi maħbuba fi ħdan Identity Malta, li kienet taħdem sew mal-impjegati u taqbeż għalihom, spiċċat bla saħħa sal-punt li kellha tirriżenja għaliex ma setgħetx taċċetta iktar li tkun f’pożizzjoni sempliċiment biex issaħħan is-siġġu. Madankollu, madwar 20 persuna għamlu kuraġġ u marru Kastilja fejn quddiem is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli għamlu sensiela ta’ akkużi fil-konfront tiegħu.

Quddiem l-akkużi serji twaqqaf bord intern ta’ dixxiplina, imma ħafna kienu dawk li beżgħu jitilgħu jixhdu kontrih, konxji mill-konnessjonijiet tiegħu u saħansitra l-appoġġ li jgawdi internament minn nies imlaħħqa. Għalkemm kollox jindika li l-għażla tal-membri tal-bord saret skont ir-regoli, dawk fuq il-bord huma magħrufa bħala ħbieb jew qrib tal-istess akkużat.

Saħansitra saru akkużi mill-impjegati li ġew avviċinati wkoll nies qrib tiegħu biex jitilgħu jixhdu l-kontra sal-punt li l-verżjoni taż-żewġ impjegati kienet imgiddba u ftit li xejn ingħataw widen tant li l-istess clerk żamm postu. Din id-deċiżjoni wasslet biex Identity Malta titlef iktar impjegati, għar-raġuni li ma setgħux jibqgħu jaħdmu bħala skjavi ta’ dan il-clerk, waqt li jaqilgħu fuq wiċċhom u jirċievu l-ordnijiet minn bniedem li suppost għandu l-istess kariga.

Madankollu, minkejja li għamluha ċara mar-Riżorsi Umani li din kienet ir-raġuni għar-riżenja tagħhom, dan ma jidher fl-ebda rapport li sar minn Identity Malta b’rabta mal-istess riżenji. Dan grazzi għall-ħbiberija u s-saħħa li l-istess clerk għandu mal-managers tal-istess Aġenzija.

Finalment il-whistleblowers li tkellmu ma’ In-Nazzjon jinnutaw ukoll li madwar sena ilu, Identity Malta reġgħet ħarġet sejħa oħra għall-promozzjonijiet bl-iskop li mill-ġdid tipprova tintogħġob u ssodd ħalq l-impjegati li l-awtoritajiet beżgħu li setgħu jikxfu dak li kien għaddej. Filfatt, ħafna minn dawk li ma kkwalifikawx l-ewwel darba, għal nofs is-sena li għaddiet ħadu l-promozzjoni għax għallinqas sa dak iż-żmien kienu għaqqdu s-sentejn esperjenza li kienet mitluba.

In-Nazzjon bagħat mistoqsijiet kemm lill-Ministru Owen Bonnici, kif ukoll lis-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli u Identity Malta. Staqsejna fost oħrajn jikkonfermawx jew jiċħdu l-ħruġ ta’ allowances irregolari għal numru ta’ xhur u jekk dan sarx b’kumpens għall-promozzjonijiet li mhux suppost saru. L-ebda risposta wkoll dwar x’wassal għat-trasferiment tad-direttur fi ħdan Identity Malta, jekk hux minnu li s-Segretarju Parlamentari kellha laqgħa ma’ impjegati li kixfu dak li kien għaddej fi ħdan Identity Malta u x’azzjoni ttieħdet.

In-Nazzjon baqa’ bla risposta lanqas dwar jekk fi ħdan Identity Malta hemmx impjegati li m’għandhomx imqar ċertifikati bażiċi iżda li xorta waħda ngħataw promozzjoni?
L-unika risposta li ħadna għal dawn il-mistoqsijiet kollha, kienet sentenza xotta li kelma b’kelma tgħid: “Il-ħaddiema ta’ Identity Malta huma regolati bi ftehim kollettiv. Dan jinkorpora fih il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati, il-pagi abbażi tal-iskala, il-ħruġ ta’ allowances u proċeduri dwar każijiet dixxiplinarji, inkluż il-kompożizzjoni ta’ bord ta’ dixxiplina.”