Futbol Sport

Bob Higgins jintbagħat 24 sena ħabs

L-eks kowċ ta’ Southampton Bob Higgins instab ħati ta’ 46 akkuża ta’ attakki indiċenti u sesswali fil-konfront ta’ 24 persuna, bejn tfal u żgħażagħ taħt l-età fuq perjodu ta’ 25 sena.

Higgins, li għal xi żmien kien jaħdem ukoll mal-Malta Football Association, ingħata sentenza effettiva ta’ 24 sena ħabs mill-Qorti ta’ Winchester Crown. Hu tniżżel ukoll fuq reġistru ta’ persuni ħatja b’każijiet relatati mal-abbuż sesswali, twaqqaf milli jaħdem mat-tfal u ladarba jinħeles tidħol fis-seħħ ordni ta’ superviżjoni.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti nnutat li Higgins, li llum għandu 66 sena, abbuża mill-pożizzjoni ta’ poter tiegħu biex ħa vantaġġ għall-pjaċir personali tiegħu. Ħareġ li Higgins kien jagħti rigali, bħal flokkijiet tal-futbol iffirmati kif ukoll vjaġġi, bl-iskop li jikkonvinċi lill-vittmi tiegħu.

Higgins kien jaħdem mal-MFA fl-1989 u wkoll bejn l-1992 u l-1994. Meta ħarġu l-ewwel akkużi fl-2016, il-President attwali Norman Darmanin Demajo kien immedjatament sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet fejn appella għall-informazzjoni u ħeġġeġ biex vittmi potenzjali jirrapportaw dak li għadda minnu. Minn dak iż-żmien, inkluż issa taħt it-tmexxija tal-istess Presidenza, kull persuna li tiġi impjegata mill-MFA qed tkun ivvettjata b’mod rigoruż anke grazzi għall-ħatra ta’ Safeguarding Officer.