It-tiratur Malti Clive Farrugia rebaħ l-avveniment tas-skeet fil-Malta International Open li kienet organizzata mill-MSSF fix-Shooting Range f’Ta’ Kandja. Farrugia laħaq l-aħjar riżultat personali bi skor fantastiku ta’ 123/125 fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni, inċidentalment l-istess skor miksub mis-sid numru wieħed tad-dinja Vincent Hancock li kien rebaħ fit-Tazza tad-Dinja ta’ sena ilu f’pajjiżna stess. Saif Bin Futais tal-Emirati Għarab Magħquda u ż-żagħżugħ Għawdxi Marlon Attard komplew il-podju.
Is-sitt finalisti skont ir-riżultat tal-kwalifikazzjoni kienu; Clive Farrugia (123/125), Saif Bin Futais (114/125), Marlon Attard (113/125), Bozidar Dimitrov (111/125+2), Jason Sciberras (111/125+1) u David Gatt (110/125).
Gatt kien l-ewwel tiratur eliminat wara li laqat 12-il target minn 20, b’Jason Sciberras ikun eliminat warajh b’total ta’ 21/30 u Bozidar Dimitrov spiċċa r-raba’ b’28/40. Marlon Attard kien assigurat minn podju iżda ma wasalx sal-finali, b’Clive Farrugia jispiċċa rebbieħ wara li laqat 51/60, target aktar minn Futais.
Il-Programm tal-Federazzjoni Maltija tal-Isparar ikompli l-Ħadd 23 ta’ Ġunju b’avveniment tat-trap bl-isem N.O.V.I.T.A Cup u Mini Grand Prix EZ Creations tas-skeet.
//= $special ?>