Futbol Sport

Daniel James isir plejer ta’ Manchester United

Daniel James sar l-ewwel akkwist ta’ Manchester United f’dan is-suq tat-trasferimenti hekk kif iffirma kuntratt ta’ ħames bl-għażla għas-sitt sena. Il-ġimgħa l-oħra, Manchester United kienu laħqu ftehim fil-prinċipju biex jiffirmaw il-plejer ta’ 21 sena, b’James jagħmel l-eżami mediku filwaqt li qabel it-termini personali. Hu mifhum li Manchester United se jħallsu s-somma ta’ ftit aktar minn €20 miljun.

Il-manager tal-klabb Ole Gunnar Solskjaer qal li James hu winger żagħżugħ eċċitanti, b’talent, viżjoni, pass eċċezzjonali u b’rieda li jaħdem. “Hu kellu staġun mill-aqwa ma’ Swansea u għandu l-għodda li għandu bżonn biex isir plejer ta’ Manchester United. Dan hu l-ambjent perfett għal Daniel biex ikompli jiżviluppa,” qal Solskjaer.

Kif mistenni fl-ewwel reazzjoni tiegħu, Daniel James qal li din il-ġurnata hi waħda mill-isbaħ fil-ħajja tiegħu u saħaq li hi sfida li jinsab ħerqan għaliha. Għalkemm qal li hi mument ta’ kburija għalih u l-familja tiegħu, hu ftakar f’missieru li ma jistax jaqsam din l-esperjenza magħhom minħabba li miet ix-xahar li għadda.

James tela’ mill-akkademja ta’ Swansea u fl-ewwel staġun tiegħu fiċ-Championship skorja ħames gowls fi 38 logħba. Hu għamel id-debutt mat-tim nazzjonali ta’ Wales fit-telfa kontra l-Albanija f’Novembru li għadda. B’kollox lagħab erba’ logħbiet u tispikka fosthom il-logħba kontra s-Slovakkja f’Marzu li għadda fejn skorja l-gowl rebbieħ.