Real Madrid komplew isaħħu l-iskwadra tagħhom hekk kif ħabbru wkoll l-akkwist tad-difensur xellugi Ferland Mendy mingħand Olympique Lyon għal madwar €53 miljun biex tellgħu t-total ta’ infiq tagħhom f’dan is-sajf għal madwar €300 miljun.
L-internazzjonali Franċiż ta’ 24 sena ffirma kuntratt ta’ sitt snin. Hu kien ingħaqad ma’ Lyon mingħand Le Havre fl-2017 u f’żewġ staġuni mal-klabb Franċiż lagħab 79 logħba. Fosthom hu lagħab f’kull logħba li lagħbu fiċ-Champions League fl-istaġun li għadu kif intemm. Mat-tim nazzjonali Franċiż Mendy lagħab tliet logħbiet u għamel id-debutt f’Novembru li għadda.
Dan hu r-raba’ akkwist għat-tim immexxi minn Zinedine Zidane hekk kif Marzu ħabbru li akkwistaw lid-difensur Eder Militao mingħand Porto għal €48 miljun, filwaqt li ftit jiem ilu ħabbru uffiċjalment it-trasferiment tal-attakkant Serb Luka Jovic mingħand Eintracht Frankfurt għal madwar €60 miljun u l-Belġjan Eden Hazard mingħand Chelsea għal somma li tista’ taqbeż il-€150 miljun.
//= $special ?>