Futbol Sport

Franza tegħleb l-isfida tan-Norveġja … rebħiet ukoll għan-Niġerja u l-Ġermanja

(Ritratt: EPA)

Franza prattikament assiguraw posthom mal-aħħar 16 b’rebħa ta’ 2-1 kontra n-Norveġja f’konfront dirett minn Grupp A quddiem 34,872 partitarju f’Nice. L-attakkant Valeri Gauvin irritorna b’gowl wara li kienet tilfet il-konfront kontra l-Korea ta’ Isfel.

Hi fetħet l-iskor wara 45 sekonda fit-tieni taqsima meta daħlet tajjeb għal kross mix-xellug u b’xutt mill-ewwel għelbet lil Ingrid Hjelmseth. Iżda ċ-ċelebrazzjonijiet Franċiżi ma tantx damu hekk kif sofrew il-gowl tad-draw fl-54 minuta b’awto-gowl ta’ Wendie Renard li skorjat fix-xibka tagħha stess wara li pruvat titfa’ l-ballun f’korner.

Il-Franċiżi skorjaw il-gowl tar-rebħa fit-72 minuta meta ngħataw penalty għal fawl fil-kaxxata’ Ingrid Engen fuq Marion Torrent, deċiżjoni li r-referee Ġermaniża Bibiana Steinhaus kellha tikkonferma wara konsultazzjoni mal-VAR. Eugenie Le Sommer skorjat il-gowl importanti b’xutt fil-baxx fuq ix-xellug tagħha.

Minn Grupp B, il-Ġermanja kisbet ukoll it-tieni rebħa meta għelbet lil Spanja 1-0. Il-gowl rebbieħ wasal fit-42 minuta b’gowl tal-midfielder ta’ Bayern Munich Sara Daebritz. Spanja ddominaw il-pussess iżda sofrew il-gowl kontra x-xejra tal-logħob.

Dan ir-riżultat ifisser li l-Ġermaniżi jgħaddu mal-aħħar 16 jekk l-Afrika ta’ Isfel ma tirbaħx kontra ċ-Ċina. Il-Ġermanja dejjem waslet sa tal-anqas l-aħħar tmienja u ilhom 14-il logħba mingħajr telfa.

Fil-logħba l-oħra minn Grupp A, in-Niġerja temmet it-tamiet ta’ kwalifikazzjoni għal Korea ta’ Isfel. Huma fetħu l-iskor wara 29 minuta b’awto-gowl tad-difensur Kim Doyeon. Asisat Oshoala għalqet il-logħba kwarta mit-tmiem wara li daret mal-gowlkiper avversarju.

Tazza tad-Dinja

Grupp A: Franza v Norveġja 2-1, Niġerja v Korea ta’ Isfel 2-0

Grupp B: Ġermanja v Spanja 1-0

Logħob li jmiss

Grupp B: Afrika ta’ Isfel v Ċina 9.00pm

Grupp Ċ: Awstralja v Brażil 6.00pm