Internazzjonali

HONG KONG: Tkompli teskala t-tensjoni bejn dimostranti u forzi tal-ordni

Is-sitwazzjoni f’Hong Kong qed tibqa tintensifika hekk kif qed tkompli tiżdied ir-rabja fost il- mijiet ta’ eluf ta’ dimostranti li ilhom jipprotestaw qrib l-uffiċji tal-Gvern minn nhar it-Tnejn.

Id-dimostranti qed jipprotestaw dwar liġi li kienet mistennija tgħaddi mit-tieni qari tal-parlament ta’ Hong Kong illum u li tista’ twassal għall-estradizzjoni ta’ persuni lejn iċ-Ċina.

Il-Gvern ta’ Hong Kong jidher li kien taħt pressjoni minn Beijing biex jgħaddi din il-liġi u kritiċi qed jgħidu li kien hemm proċess ta’ tidwir ta’ liġijiet li saħansitra jipperikolaw is-saltna tad-dritt biex jiġu aġevolati liġijiet ta’ dan it-tip. L-istess kritiċi jitkellmu dwar l-allegat użu ta’ tortura u ammissjonjiet sfurzati miċ-Ċina, imma l-Gvern ta’ Hong Kong qed jgħid li se jkun hemm salvawardji għal dan.

Iżda d-dimostranti mhux qed iċedu u saħansitra kaxkru barrieri li kellhom iżommuhom bogħod mill-kwartieri tal-Gvern biex joħolqu barriera bejnhom u l-forzi tal-ordni hekk kif is-sitwazzjoni qed tkompli teskala.