Is-Sibt li għadda fis-Centenary Hall saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Youth Football Association. Fid-diskors tiegħu, il-President tal-YFA Fr Hilary Tagliaferro esprima l-inkwiet tiegħu li sal-lum għad hemm amministraturi u kowċis fis-settur taż-żgħażagħ li huma lesti jieħdu vantaġġ minn plejers vulnerabbli biex jirbħu l-logħba permezz tal-korruzzjoni.
Din l-attitudni negattiva fissret ukoll it-tmiem tar-reġistrazzjonijiet tal-Football Social Responsibility li kienet tippermetti plejers li ġejjin minn ambjent diffiċli li xorta jilagħbu l-futbol minkejja li ma jkunux reġistrati regolarment mal-MFA. Fuq nota pożittiva, Tagliaferro faħħar is-sistema l-ġdida tal-COMET li ġiet introdotta f’dan l-istaġun b’ħidma mal-MFA, sistema li tista’ tiġġenera statistika ta’ ġid kemm għan-nurseries kif ukoll għall-assoċjazzjoni.
Il-President tal-YFA kkonkluda d-diskors tiegħu billi sellem lill-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo tas-servizz u d-dedikazzjoni lejn il-futbol fis-settur taż-żgħażagħ f’dawn l-aħħar disa’ snin fit-tmexxija tal-assoċjazzjoni.
Is-Segretarju Ġenerali tal-YFA Joe Micallef ippreżenta rapport dettaljat tal-istaġun 2018/19 li nkludiet informazzjoni u statistika mill-avvenimenti ta’ taħt id-disa’ snin sal-kompetizzjonijiet ta’ taħt is-17-il sena.
Micallef ħabbar li ż-żewġ plejers ta’ Pietà Hotspurs Jamie Scerri u Sheldon Mizzi rebħu l-aktar plejers promettenti fil-kategoriji ta’ taħt il-15 u s-17-il sena rispettivament. Għaxaq u Mtarfa rebħu l-Play Fair Award. Micallef sellem ukoll lil Darmanin Demajo u qal li qed iħares li tkompli r-relazzjoni bejn iż-żewġ assoċjazzjonijiet mal-President il-ġdid tal-MFA.
B’kollox se jkun hemm erba’ persuni li se jirrappreżentaw lin-nurseries fil-Kunsill tal-MFA u li kienu approvati fil-LĠA. Dawn huma Godwin Aquilina (Santa Venera), Joe Baldacchino (Żabbar), Simon Spiteri (Mtarfa) u Paul Vella (Mġarr). Dawn se jingħaqdu mal-ħames uffiċjali preżenti; Fr Hilary Tagliaferro (President), Joe Cassar (Viċi President), Robert Attard (Viċi President), Joe Micallef (Segretarju Ġenerali) u Alfred Cacciatolo (Teżorier) li se jiffurmaw il-Kunsill tal-YFA għall-istaġun li ġej.
Il-minuti kif ukoll ir-rapporti Amministrattivi u Finanzjarji mil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-istaġun li għadda kienu approvati kollha. Il-membri newtrali, l-osservaturi u l-membri tal-bords u kumitati differenti jitħabbru fil-jiem li ġejjin wara l-ewwel laqgħa tal-Kunsill tal-YFA.
//= $special ?>