Wara li t-Tlieta ħabbru l-akkwisti ta’ Matias Garcia u Diego Venancio, Floriana komplew isaħħu t-tim tagħhom bi preparazzjoni għall-istaġun li ġej hekk kif ħabbru l-akkwist ta’ Tiago Fonseca. Dan il-plejer l-istaġun li għadda lagħab ma’ Hibernians fejn kien wieħed mill-plejers importanti tul l-istaġun. Fl-ewwel staġun tiegħu f’pajjiżna, il-plejer avvanzat skorja 11-il gowl. Hu ngħaqad ma’ Floriana wara li spiċċalu l-kuntratt minn ma’ Hibernians.
Il-Furjaniżi kkonfermaw ukoll lil Ryan Camenzuli. Oriġinarjament hu ngħaqad ma’ Floriana f’Jannar ta’ din is-sena mingħand Birkirkara bħala parti mit-trasferiment ta’ Terence Vella u Maurizio Vella bejn iż-żewġ klabbs. Iżda Floriana ma setgħux jilagħbu l-plejer minħabba li kien għadu qed jiskonta s-sena u nofs sospensjoni. Din is-sospensjoni tintemm fi tmiem dan ix-xahar.
Huma akkwistaw liż-żewġ midfielders Matias Garcia u Diego Venancio t-tnejn mingħand Senglea Athletic. Dan filwaqt li mistenni jakkwistaw ukoll lill-attakkant Augusto Caseres. Garcia kien ilu ma’ Senglea għal dawn l-aħħar żewġ staġuni u stabilixxa ruħu bħala plejer regolari fiż-żewġ staġuni. Diego Venancio nġieb minn Senglea f’nofs l-istaġun li għadu kif intemm iżda ħalla impatt mill-ewwel f’nofs il-grawnd.
Intant dawn l-akkwisti mhux mistennija jkunu tal-aħħar, hekk kif teżisti l-possibbiltà li Floriana jakkwistaw lil Matthew Calleja Cremona. Għalkemm it-taħdidiet għadhom fi stadju bikri u hemm klabbs oħra interessati, sa issa jidher li Floriana huma l-favoriti li jakkwistaw il-firma tal-gowlkiper. It-Tlieta tħabbar li l-gowlkiper Matthew Grech talab u ngħata r-release minn mal-klabb minħabba li qed ifittex li jilgħab b’mod regolari.
BALZAN – Il-midfielder avvanzat Carlos Eduardo de Fiori Mendes ħalla lil Balzan wara żewġ staġuni mal-klabb. Il-Brażiljan magħruf bħala Kadù, kellu staġun mill-aqwa fl-ewwel staġun tiegħu iżda speċjalment fl-istaġun li ntemm, l-esperjenza tiegħu kienet imtappna b’serje ta’ injuries li ħallewh bogħod mill-futbol milgħub. F’kuntatt li għamel il-programm ta’ Net Television Replay, Kadù kkonferma l-aħbar u li jinteressah li jkompli jilgħab f’pajjiżna iżda żied li l-prijorità għalih bħalissa hi li jirkupra l-aħjar kundizzjoni fiżika.
GŻIRA – Il-midfielder Edison Bilbao Zarate jidher li mhux se jibqa’ ma’ Gżira United. Hu kien ingħaqad mal-Maroons f’Jannar tas-sena l-oħra u f’Malta lagħab ukoll ma’ Qormi, Balzan, Birkirkara u Mosta. Jidher li minħabba l-istil ta’ logħob tal-kowċ il-ġdid Giovanni Tedesco, iċ-Ċilen ta’ 32 sena mhux fil-pjani tat-Taljan. Sa issa għadu mhux magħruf jekk il-futur tiegħu hux f’pajjiżna.
ST. ANDREWS – Il-veteran Joseph Farrugia se jibqa’ ma’ St. Andrews wara diskussjonijiet li kellu mat-tmexxija tal-klabb. Farrugia kellu offerta minn klabb fil-Kampjonat Premier iżda ddeċieda li jibqa’ mal-klabb li ilu miegħu mill-2012 fejn anki se jkun parti mill-istaff tekniku.
HIBERNIANS – Il-klabb ta’ Hibernians ħabbar li estenda li l-kuntratt tal-gowlkiper Marko Jovicic wara l-esperjenza pożittiva f’pajjiżna minn meta ngħaqad magħhom f’Jannar li għadda. Leandro Barbosa da Silva u Timothy Tabone Desira wkoll ġeddew il-kuntratt mal-klabb filwaqt li ġie kkonfermat l-istaff tekniku.
MOSTA – Juri Cisotti jista’ jħalli lil Mosta minkejja li għad fadallu kuntratt ta’ sena mal-klabb. Jidher li Mosta rċevew interess uffiċjali minn klabb tan-naħa ta’ fuq tal-Kampjonat Premier u l-plejer iħalli l-klabb biss jekk tintlaħaq ir-rikjesta tagħhom.
//= $special ?>