Għall-Avukat Ġenerali, l-appell fil-Kawża Kostituzzjonali li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia biex jingħata aċċess għar-rapport sħiħ tal-Inkjesta Egrant – bħalma għandhom il-Prim Ministru u esponenti oħra tal-Partit Laburista – m’għandux għalfejn ikun mgħaġġel.
Dan isarraf f’aktar żmien ta’ inġustizzja u diskriminazzjoni kontra l-Oppożizzjoni, ladarba l-Avukat Ġenerali għadu qed jopponi li Adrian Delia jingħata kopja sħiħa tar-Rapport. Min-naħa l-oħra, fil-jiem li għaddew irriżulta li aktar esponenti tal-Gvern u tal-Partit Laburista għandhom kopja tar-Rapport sħiħ.
Fost l-oħrajn, il-Ministri Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi – li m’huma involuti bl-ebda mod fir-rapport dwar il-kumpanija Egrant – li f’kawża separata, ikkwotaw siltiet mir-rapport tal-Inkjesta li s’issa għadhom qed jinżammu mistura.
Iżda minkejja din il-konferma ta’ diskriminazzjoni sfaċċata fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Avukat Ġenerali għadu qed jargumenta li l-appell għandu jieħu l-proċess naturali tiegħu, mingħajr għaġla.
Min-naħa tagħhom, l-Avukati Vincent Galea u Andre Portelli, li qed jidhru għal Adrian Delia, qed itennu li kull ġurnata li tgħaddi hu żmien moħli u ta’ żbilanċ fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Hu għalhekk li qed jitolbu lill-Qorti Kostituzzjonali biex tisma’ l-appell b’urġenza, bħalma kienet aġixxiet l-Ewwel Qorti.
//= $special ?>