Is-Segretarjat Assistenza Soċjali fi ħdan l-Azzjoni Kattolika Maltija ppubblika ktieb li jġib l-isem Anzjani Attivi Maltin u Għawdxin.
Dan il-ktieb jiġbor fih mas-70 esperjenza ta’ anzjani Maltin u Għawdxin, u anke dawk ta’ xi koppji, li jirrakkuntaw kif wara l-irtirar baqgħu attivi fil-komunitajiet tagħhom.
L-artikli ppubblikati f’dan il-ktieb inkitbu mill-anzjani stess u diġa ġew ippubblikati fil-ġurnal Il-Leħen fl-aħħar tliet snin, bejn l-2015 u l-2018.
Fil-preżentazzjoni ta’ dan il-ktieb intqal li l-iskop hu li anzjani oħra madwar Malta u Għawdex ukoll ikunu ispirati li jinvolvu ruħhom u jibqgħu attivi. Dan hekk kif hu fatt magħruf li anzjani li jibqgħu attivi jkunu qed jgħinu lilhom infushom biex iħossuhom aħjar, kuntenti u f’saħħithom minflok jintelqu.
Għall-preżentazzjoni ta’ dan il-ktieb kien hemm l-anzjani stess li huma l-protagonisti ta’ din il-pubblikazzjoni, bl-attività sservi wkoll biex l-istess persuni setgħu jiltaqgħu u jsiru jafu lil xulxin.
Din hi biss inizjattiva waħda minn sensiela li ħa s-Segretarjat Assistenza Soċjali, li hi aġenzija ta’ ħidma soċjali fi ħdan il-knisja, li ilha sa mill-1962 tgħin lil nies fil-bżonn, anke finanzjarjament.
//= $special ?>