Lokali

L-ebda żviluppi s’issa bejn il-LESA u l-GWU

Wara għadd ta’ ġimgħat, jidher li baqa’ ma sar l-ebda pass ‘il quddiem fil-kwistjoni bejn l-Uffiċjali tal-Komunità (li qabel kienu magħrufa bħala l-Gwardjani Lokali) u l-Aġenzija tal-Gvern LESA.

Fl-ewwel sett ta’ direttivi, imħabbra mill-GWU f’isem il-membri tagħha, l-Uffiċjali tal-Komunità kienu mitluba ma jilbsux uniformi, filwaqt li ma kienx eskluż li d-direttivi jkomplu jiżdiedu jekk ma jintlaħaqx ftehim dwar il-pakkett finanzjarju u l-kundizzjonijiet tagħhom.

Minn dakinhar, it-tmexxija tal-Aġenzija tal-Gvern talbet lill-Union biex twaqqaf id-direttivi, bis-Segretarju tat-Taqsima tal-Forzi Dixxiplinati Theo Vella wieġeb li d-direttivi jistgħu biss jiżdiedu u mhux jitwaqqfu jekk ma jibdewx id-diskussjoni li eventwalment iwasslu għall-qbil.

Fil-fatt, il-GWU qed thedded li jekk is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi, l-Uffiċjali tal-Komunità se jintalbu wkoll iwaqqfu l-control room tal-Aġenzija milli topera. Fil-jiem li għaddew, l-Uffiċjal tal-Union kiteb fuq Facebook li, ladarba l-Aġenzija tal-Gvern mhix tapprezza l-ħidma ta’ dawn il-ħaddiema, il-GWU se jkollha tħarrax l-azzjonijiet.

U fid-dawl ta’ dan, il-LESA talbet laqgħa mal-GWU, bil-Union għadha qed iżżomm il-possibbiltajiet kollha quddiemha għalli jista’ jinqala’.