Mario Muscat se jibqa’ jmexxi tim fil-Kampjonat Premier hekk kif inħatar kowċ ta’ Senglea Athletic. Hu se jieħu post Vincenzo Potenza li ngħaqad ma’ Floriana u se jkun assistit minn Steve Vella. Muscat daħal fit-tmexxija ta’ Qormi f’Novembru li għadda u minkejja li t-tim ġie relegat, huma għamlu titjib konsiderevoli tant li baqgħu jissieltu biex isalvaw sal-aħħar ġurnata.
L-eks gowlkiper internazzjonali Malti, kien kowċ tal-gowlkipers ta’ Pembroke kif ukoll ta’ Hibernians u lejn tmiem l-istaġun 2017/18 mexxa lill-Pawlisti f’xi logħbiet. Hu beda l-istaġun li għadu kif intemm bħala kowċ tal-gowlkipers ta’ Hibernians qabel ingħaqad ma’ Qormi.
F’kumment fuq il-profil tiegħu fuq facebook, Muscat irringrazzja lill-membri tal-kumitat, l-istaff tekniku, il-plejers u l-partitarji u b’mod speċjali lill-President ta’ Qormi Victor Camilleri. Hu qal li minkejja li t-tim ta’ Qormi ma salvax postu fl-ogħla diviżjoni, jinsab kburi b’dak li kisbu flimkien. “Se nħalli klabb aktar b’saħħtu milli sibt u nwiegħed li se nibqa’ ngħin lill-klabb kemm nista’.”
//= $special ?>

