Għawdex Lokali

Tnejn l-isptar u ħsara fl-appartamenti wara splużjoni fil-Qbajjar

Żewġ residenti li joqgħodu fiż-żona tal-Qbajjar, Marsalforn kellhom jittieħdu l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura wara splużjoni li seħħet qrib l-appartamenti tagħhom.

Net News jinsab infurmat li kollox beda minn nar qawwi li ħakem żona ta’ għelieqi li jinsabu qrib ħafna ta’ blokok ta’ appartamenti f’Marsalforn.

Jirriżulta li n-nar li beda minn xi ħaxix niexef infirex għal kamra f’għalqa li fiha kien hemm ċilindru tal-gass. Dan sploda, bin-nar li kompla jinfirex u jikber.

Kawża tal-isplużjoni qawwija, li nstemgħet minn diversi bnadi madwar Għawdex, saret ħsara f’xi appartamenti b’mod speċjali bi ħġieġ imkisser.

Kawża ta’ dan, mara sofriet xi ġrieħi ħfief ħafna f’saqajha, minħabba li ntlaqtet minn xi ħġieġ, waqt li tifla sofriet minn xokk kawża tal-qatgħa.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma din l-aħbar iżda qalilna li s’issa għad m’hemmx dettalji.