Villa Guardamangia, il-post ‘l isfel mill-Isptar San Luqa li fis-snin 40 u fil-bidu tas-snin 50 kienet tintuża’ mir-Reġina Eliżabetta II (dak iż-żmien Prinċipessa) u l-Prinċep Filippu meta kienu jżuru pajjiżna, tinsab għall-bejgħ għall-valur ta’ ftit anqas minn €6 miljun.
Il-villa privata, mibnija fi stil ta’ Palazz, kienet tintuża’ mill-Koppja Rjali fl-ewwel snin taż-Żwieġ tagħhom u hu magħruf li kienet ħafna għal qalb ir-Reġina.
Fil-fatt, Eliżabetta kienet tgħix f’pajjiżna f’perjodi differenti bejn l-1949 u l-1951, qabel ma hi ġiet inkurunata Reġina fl-1953, meta żewġha Filippu kien qed iservi fir-Royal Navy abbord l-HMS Chequers.
Diversi drabi, ir-Reġina spjegat li Villa Guardamangia kien l-uniku post fejn hi u żewġha setgħu jgħixu ħajja normali, ‘il bogħod mill-impenji Rjali, dak iż-żmien bħala Prinċipessa.
Jingħad li l-villa, imqassma fuq aktar minn 1,500 metru kwadru ta’ art, għandha sitt kmamar tas-sodda u tliet kmamar tal-banju, kif ukoll ġnien kbir, sala kbira tal-pranzu u diversi kmamar oħra li kienu jintużaw mill-membri tas-servitù.
Iżda sfortunatament, fl-aħħar snin, Villa Guardamangia kellha bżonn ta’ xogħol ta’ ristrutturar, partikolarment fuq il-faċċata u diversi partijiet mill-ġnien. Barra minhekk, fl-aħħar żjara f’pajjiżna fl-2015, ir-Reġina ma setgħetx iżżur din il-Villa. Madankollu, f’dik iż-żjara, hi kienet ingħatat pittura tar-residenza mill-President ta’ Malta ta’ dak iż-żmien Marie Louise Coleiro Preca.
Dakinhar, ir-Reġina Eliżabetta II kienet qalet li Malta dejjem kienet speċjali għaliha, speċjalment meta tiftakar fil-ġranet feliċi li għaddiet mal-Prinċep Filippu fil-bidu taż-żwieġ tagħhom.
Fl-aħħar ġimgħat, din il-propjetà spiċċat f’nofs kontroversja, hekk kif il-Minority Leader Nazzjonalista f’Tal-Pietà Josef Fitzpatrick ressaq Mozzjoni fil-Kunsill biex Villa Guardamangia tkun akkwistata mill-Gvern ħalli jsirilha x-xogħol tant meħtieġ fuqha u tibda titgawda minn kulħadd.
Madankollu, il-Gvern Laburista qed jipprova jqarraq meta, kif insista l-Ministru Owen Bonnici fil-Parlament, qal li għadu għaddej bin-negozjati mas-sidien privati. Dan meta, kif iddikjara l-Minority Leader fuq Facebook, baqa’ ma sar l-ebda pass mill-Gvern.
Filwaqt li esprima t-tama li l-Gvern jgħaddi mill-paroli għall-fatti, Josef Fitzpatrick qal li hi ħasra li fuq materja ta’ wirt kulturali bħal din, qed jibqa’ jittawwal iż-żmien biex tittieħed deċiżjoni.
//= $special ?>