F’ittra iebsa mibgħuta mill-Kummissarju tal-Ambjent u l-Ippjanar fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman, intefa’ dawl fuq każi vari ta’ ksur ta’ liġi f’diversi siti ta’ kostruzzjoni. Tant illi l-istess Kummissarju, il-perit Alan Saliba, jgħid illi għandhom jinħolqu proċeduri kriminali kontra l-kuntratturi.
F’ittra lill-Prim Ministru Joseph Muscat, il-perit jirreferi għal Artiklu tal-Liġi li jitkellem fuq distanza ċara li suppost għandha tinżamm mill-ħajt diviżorju, kull meta jkun hemm bini. Iżda skont l-uffiċċju tal-Ombudsman, “din il-liġi qed tiġi skartata”.
Alan Saliba fl-ittra tiegħu jgħid li l-periti għandhom dejjem juru fil-pjanti s-sotterran fid-distanza preskritta. Iżda jinsisti li l-kuntrattur għandu l-kontroll assolut u kontinwu tax-xogħol involut.
Isemmu wkoll kif donnu saret prassi li jingħata l-kunsens biex żviluppatur iħaffer mal-ħajt diviżorju, mingħajr ma tinżamm id-distanza ta’ 76 ċentimetru. Il-perit Saliba jinsisti li “din hi illegali…qisek qed tislifni l-flus u nawtorizzak ittajarni bil-karozza jekk ma nħallsekx!”
Stqarrija mill-Assoċjzzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin
Intant b’rabta mal-inċident li seħħ fi Gwardamanga, l-MDA fi stqarrija qalet li tinsab ixxukjata b’dak li seħħ.
L-MDA appellat biex malajr kemm jista’ jkun jitwaqqaf steering committee li jkun jista’ jfassal regoli ċari dwar il-ħitan diviżorji.
