Lokali

Imut Ivan Fenech, Assistent Editur tat-Times

Ħadem il-karattru taċ-Ċukaj f'Aħna Aħna jew M'Aħniex

Tħabbret il-mewt għall-għarrieda ta’ Ivan Fenech, Assistent Editur ta’ Times of Malta u lil għal għadd ta’ snin kien involut fis-satira politika.

Fil-fatt, ħafna jiftakruh fil-parti taċ-Ċukaj fis-sensiela televiżiva Aħna Aħna jew M’Aħniex. Għal xi żmien, hu ħadem ukoll fi ħdan l-Istamperija Indipendenza.

Fis-sit elettroniku ta’ Times of Malta, kien spjegat li Ivan, ta’ 55 sena, ħassu ħażin waqt li kien fuq xogħolu lbieraħ. Hu ttieħed l-Isptar iżda, sfortunatament, tilef il-ġlieda għal ħajtu llejla.

Ivan beda fil-ġurnaliżmu fis-snin tmenin u fl-istess snin, kien parti mit-tim ta’ Aħna Aħna jew M’Aħniex bħala parti mill-grupp magħruf bħala Tan-Numri. Lejn l-aħħar tas-snin 90, daħal jaħdem fl-Awtorità tal-Ippjanar qabel ma emigra għal xi snin lejn il-Ġermanja.

Fl-2013, hu rritorna Malta u reġa’ ngħaqad mal-kumplament tal-Kamra tal-Aħbarijiet tat-Times bħala Assistent Editur. Ironikament, l-aħħar post li tella’ fuq Facebook fil-31 ta’ Mejju kienet il-kanzunetta “Over the Rainbow”.

Ivan ħalla warajh lil martu Katrin u lil bintu Kyra. Media.Link Communications u NET News ningħaqdu mal-kollegi mill-organizzazzjonijiet tal-media l-oħrajn biex inwasslu l-kondoljanzi lill-qraba u l-ħbieb ta’ Ivan.