Lokali

L-ebda reazzjoni uffiċjali wara l-iskandli żvelati dwar Identity Malta

Ħadd mill-awtoitajiet għadu ma rreaġixxa b’mod uffiċjali għal sensiela ta’ skandli żvelati minn dan il-ġurnal fl-aħħar jiem u li seħħew fuq perjodu ta’ numru ta’ snin fi ħdan Identity Malta.

Mhux biss ma ħarġet l-ebda stqarrija jew xi tip ta’ kjarifika, f’konferma li l-aħbar ippubblikata minn dan il-ġurnal hi veritiera, iżda agħar minn hekk ma bdiet l-ebda investigazzjoni interna. Dan minkejja li l-akkużi huma serji.

Filfatt In-Nazzjon irrapporta kliem eks impjegati u ħaddiema li għadhom jaħdmu fi ħdan Identity Malta u li kkonfermaw magħna kif, għal perjodu ta’ xhur, irċivew numru ta’ allowances irregolari biex jagħlqulhom ħalqhom u ma jitkellmu ma’ ħadd dwar dawn l-iskandli interni.

Dawn l-allowances ħarġu wara li kien hemm sejħa għal promozzjonijiet u li għaliha, fost oħrajn, applikat u ġiet aċċettata persuna li la kienet tikkwalifika abbażi tal-esperjenza u lanqas ta’ kwalifiċi. Meta lmentaw xi ħaddiema li bħalu ma kinux jikkwalifikaw u baqgħu b’xejn, direttur ta’ Identity Malta ħareġ dawn l-allowances irregolari. Finalment, dan id-direttur finalment spiċċa ġie trasferit għal numru ta’ raġunijiet, inkluż din l-allowance.

Fl-artiklu tagħna, ippubblikat nhar it-Tnejn li għadda, żvelajna wkoll kif diversi persuni ddaħħlu jaħdmu f’Identity Malta sempliċiment għax huma qrib ta’ Kastilja jew tal-Partit Laburista, u hemm min ma għandu l-ebda kwalifiċi.

Żvelajna wkoll kif hemm min għandu saħħa interna kbira, għax jiftaħar li hu qrib il-politiċi, tant li jidħol u joħroġ mill-Aġenzija meta jogħġbu, mingħajr ma jippanċja u saħansitra ma jidħolx għax-xogħol bil-leave jew bis-sick leave mingħajr ma javża lil ħadd.

In-Nazzjon jista’ jikkonferma li l-unika reazzjoni interna kienet dik bejn il-persuni li dan il-ġurnal għamel riferenza għalihom u li fil-kurituri ta’ Identity Malta kienu qed jinfurmaw lil xulxin: “Ġabuna fuq In-Nazzjon.”

Filfatt, minkejja li qatt ma semmejnihom b’isimhom, l-impjegati kollha f’Identity Malta jafu għal min konna qed nirreferu għaliex l-iskandli żvelati huma sigrieti magħrufa li ġew żvelati lilna mill-impjegati stess.

Jafu wkoll id-diretturi u prinċipali tal-istess impjegati iżda ftit li xejn hemm tama li se tittieħed xi azzjoni. Dan għal numru ta’ raġunijiet fosthom li għal min qed nirreferu għandhom saħħa qawwija għax appoġġjati minn nies qrib Kastilja u spiss jidhru hawn kif ukoll għaliex l-istess uffiċjali ta’ Identity Malta huma ħbieb tal-istess persuni.

Barra minn dan, jekk l-awtoritajiet jiddeċiedu li jinvestigaw, ikunu qajmu terrimot fi ħdan Identity Malta għaliex jibdew jiskopru li l-istess persuni li suppost ħadu azzjoni kienu kompliċi jew inkella kienu jafu b’dak li għaddej u ma ħadu l-ebda passi.

Iżda minkejja li l-awtoritajiet jixtiequ li kemm jista’ jkun dawn l-affarijiet ma joħorġux fil-pubbliku, in-nuqqas ta’ azzjoni taghom kompliet tirrabja ill-ħaddiema.

Tant hu hekk li wara l-istorja tagħna, ġejna kkuntattjati minn iktar ħaddiema u whistleblowers ġodda li komplew ituna iktar informazzjoni. Fil-jiem li ġejjin, In-Nazzjon se jkompli jikxef iktar skandli interni.