Lokali

L-impjegati tal-Gozo Channel fil-għama dwar kif se jaħdmu

F’dawn il-jiem daħal għall-ewwel darba fil-Port tal-Imġarr, Għawdex, il-vapur ‘Nicolaos’ biex suppost jidħol fl-iskeda ta’ vvjaġġar bejn il-gżejjer. Madankollu sa issa dan il-vapur ma beda jagħmel l-ebda vjaġġi għaliex l-ewwel iridu jsirulu xi xogħlijiet abbord.

Sadattant ħaddiema tal-Gozo Channel li tkellmu b’mod kunfidenzjali ma’ In-Nazzjon qalulna li huma sa llum għadhom ma jafux kif se jkunu qed jaħdmu għaliex ma’ dan il-vapur inġieb ukoll crew ta’ baħrin. Sa issa l-kumpanija għadha ma kkomunikatx mal-ħaddiema kif l-erba’ vapuri se jkunu qed jaħdmu u kif il-baħrin Maltin se jkunu qed iservu abbord biex hekk il-ħobża tagħhom ma tittnaqqarx mill-ħaddiema barranin li ġew flimkien ma’ dan il-vapur.

Li hu żgur ukoll li anki mad-daqqa t’għajn, in-‘Nicolaos’ jidher li hu vapur antik. “Issa naraw. Iridu jraqqu l-pannu bil-qargħa aħmar. Kif jgħidu. Issa la jidħol fl-iskeda nkunu nistgħu nitkellmu aħjar,” qalilna ħaddiem tal-Gozo Channel.

Hu żied li l-Ministry Justyne Caruana ftit għandha x’tiftaħar b’dan il-vapur għaliex żgur li l-Għawdxin ħaqqhom ferm u ferm aħjar.

Dan il-ħaddiem fakkarna kif il-vapur ‘Nicolaos’ li l-Gvern ta’ Joseph Muscat ġab għall-Gozo Channel bħala r-raba’ wieħed fil-flotta hu vapur antik u b’teknoloġija qadima, li għamel żmien saħansitra abbandunat u li issa qed jingħata lagħqa żebgħa biex fil-jiem li ġejjin isalpa lejn Malta.

Tajjeb li wieħed ifakkar li fil-ġimgħat li għaddew il-Gozo Channel kienet għaddejja b’kuntatti ma’ operatur Grieg dwar dan il-vapur biex sarulu diversi xogħlijiet ta’ rinnovament qabel inġieb Malta.

Dwar dan il-vapur Kaptana tal-Gozo Channel li b’mod kunfidenzjali kienu tkellmu ma’ In-Nazzjon kineu qalulna li mill-informazzjoni li għandhom huma dan il-vapur hu antik u bidel numru ta’ jdejn.

Skont huma dan hu vapur li bl-istandards li għandna f’Malta ma hux tajjeb biex ibaħħar bejn Malta u Għawdex u huma staqsew ukoll kif se jkun qed jgħaddi, ta’ kull xahar, minn ċertu testijiet ta’ tbaħħir.

Huma żiedu wkoll li skont l-informazzjoni li għandhom dan  il-vapur,  li kien varat l-ewwel darba 32 sena ilu, se jkollu problemi oħra u aktar serji bħan-nuqqas ta’ aċċessibbiltà u problemi dwar emissjonijiet.

Dan ukoll minbarra li passiġġieri li jkunu qed jagħmlu użu minnu mingħajr il-karozza se jkollhom jitilgħu abbord il-vapur mir-rampa tal-karozzi għaliex il-vapur ma jlaħħaqqx mat-terminal.

Barra minn hekk, dan il-vapur se jinkera bil-crew b’kollox; jiġifieri se jonqos ukoll milli joffri opportunitjiet ta’ xogħol lill-Għawdxin. Anki ħaddiema Laburisti fil-Gozo Channel diġà nstemgħu jilmentaw dwar dan fis-sens li l-Ministru Justyne Caruana ttradiethom u ma ħasbitx fihom.

L-istess ħaddiema qed jissoktaw jgħidulu wkoll li għandhom suspett qawwi ħafna li dan il-vapur, fir-rigward tal-kera tiegħu, se jiġi jqum eluf ta’ ewro kuljum. Il-ħaddiema qed jissuspettaw li anki f’dan ir-rigward għal dan l-infieq se jkollhom jagħmlu tajjeb huma billi jew inaqqas mill-ħaddiema preżenti fil-Gozo Channel jew inkella jonqsulhom l-opportunitajiet tas-sahra.