Parlament

Liġi li mhix favur is-sewwa u se titfa’ lill-pajjiż lura

– Jason Azzopardi, PN

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-liġi dwar is-seperazzjoni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mhix favur dawk li jħobbu s-sewwa u se titfa’ lill-pajjiż lura.

Fil-parlament Jason Azzopardi qal li din hi liġi b’kunċetti żbaljati u anki miktuba ħażin b’medjokrità fil-mod kif inkitbet. Hu kompla jikkritika l-mod kif inkitbet il-liġi u qal li l-Prim Ministru qed juża abbozzi li kienu wżati sekli ilu u jdaħħalhom ‘din il-liġi.

Jason Azzopardi qal li fost in-nuqqasijiet li għandha l-liġi hemm in-nuqqas ta’ separazzjoni ta’ poteri tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Din hi liġi li fiha wkoll terminoloġija mħawda, żbalji fl-abbozzar u kunċetti li qed iddawru r-rapport tal-Kummissjoni Venezja rasu ‘l isfel. Minkejja li l-gvern qal li jrid jimplimenta r-rapport tal-Kummissoni Venezja fil-fatt dan mhux qed jitwettaq anzi qe disir bil-maqlub.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li ħafna proposti li saru mill-Kummissjoni Venezja ma ddaħlux fl-abbozz li ppreżenta l-gvern.

Il-Kummissjoni Venezja pproponiet li jitwaqqaf uffiċċju ta’ Maġistrat awtonomu u li jkollu l-operat li jiftaħ inkjesta minn jeddu ma jkollux għalxiex jobdi biss lill-pulizija jew jekk ikollu rikors mingħand ċittadin privat biex jiftaħ inkjesta.

Din hi proposta biex tkun miġġielda l-korruzzjoni għaliex illum il-maġistrati jiddependu mill-pulizija u m’humiex awtonomi kif inhuma fil-kontinent. Dan il-gvern qed jikser l-ispirtu tas-saltna tad-dirtt.

Hu semma’ l-konflitti ta’ interess tal-Avukat Ġenerali li se jibqa’ chairman tal-FIAU, membru tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u se jieħu sehem f’appelli tad-dixxiplina tal-Imħallfin u Maġistrati.

Dan meta Prosekutur m’għandux ikun f’pożizzjoni ta’ dixxiplina ta’ membru tal-ġudikatura. Dan l-abbozz se joħloq żewġ kumitati ta’ ħartiet ġodda biex issa se jkun hemm sitta. Dan meta dawn jistgħu jsiru minn kumitat wieħed. L-abbozz hu nofsu msajjar, magħmul b’nofs kedda u miktub bl-għaġġla. Għalhekk l-Oppożizzjoni se jkollha tivvota kontra dan l-abbozz.

Jason Azzopardi qal li dan id-dibattitu hu marbut mas-saltna tad-dritt u għalhekk tratta l-mod kif tliet ministri Laburista kkwotaw fil-qorti partijiet mill-inkjesta Egrant meta din mhix pubblikata. F’pajjiż normali kienet issir inkjesta dwar dan il-fatt, sostna Jason Azzopardi, li kompla li xi ħadd ħa ġurament falz fil-kawża li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni. Min ħa ġurmanet falz; il-Prim Ministru, Kurt Farrugia jew xi persuni oħra? staqsa Jason Azzopardi.