Lokali

“Parodija tal-Kummissjoni Venezja” – Prof. Kevin Aquilina

Medjokrità fl-aqwa tagħha - Abbozz li qed itajjar "id-duttrini kostituzzjonali stabbiliti"

L-Abbozz ta’ liġi tal-Avukati tal-Gvern, li bħalissa qed jiġi diskuss fil-Parlament, huwa “pass ieħor klassiku ta’ kif il-leġiżlazzjoni qatt m’għandha titfassal” u huwa “parodija tar-rapport tal-Kummissjoni Venezja”.

Hekk qal l-eks Dekan tal-Fakultà tal-Liġi Kevin Aquilina f’analiżi ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Għaqda Studenti tal-Ligi, fejn jinsisti li l-ħtieġa li jsir tibdil “tibqa’ biss xewqa”.

Huwa sostna li dan l-abbozz huwa qasir u għandu d-difetti fil-kunċett. Aquilina qal li dan l-abbozz qed itajjar “id-duttrini kostituzzjonali stabbiliti” u qed jinbena fuq il-medjokrità fl-aqwa tagħha. Saħaq li l-leġiżlazzjoni qatt ma għandha tiġi abbozzata b’dan il-mod.

Kevin Aquilina ta ħarsa wkoll lejn tmien punti sinifikanti ta’ kritika dwar l-Abbozz, iżda ddedika l-parti l-kbira tal-analiżi tiegħu biex qabbel l-Abbozz, mar-Rapport tal-Kummissjoni Venezja – paragun li, huwa qal, juri “inkonsistenzi” bejn iż-żewġ dokumenti.

Fi kliemu, mhux veru li l-Gvern qed jimplimenta r-Rapport tal-Kummissjoni Venezja u li qed jikkonforma mal-obbligi tal-liġi internazzjonali għaliex dan żgur mhux qed issir b’dan l-abbozz

Huwa nnota, l-ewwelnett, li filwaqt li l-Abbozz jindirizza wieħed mill-irwoli konfliġġenti li l-Avukat Ġenerali għandu – dak tal-prosekutur u konsulent legali tal-gvern – ma jindirizzax il-kritika tal-Kummissjoni li l-Avukat Ġenerali jkun il-president tal-FIAU. Huwa qal li l-Abbozz minflok qiegħed iżid il- poteri tal-Avukat Ġenerali u jikkonċentra aktar il-poteri f’idejh.

Fil-Parlament, anke il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna li l-fatti juru li l-liġi kif proposta mill-Gvern tmur kontra dak propost mill-Kummissjoni Venezja, kontra il-Kostituzzjoni Maltija u kontra l-obbligi internazzjonali li Malta suppost tosserva.(

Adrian Delia wissa’ li l-Gvern qed jipprova jgħaddi liġi minn taħt, biex ikompli jaħtaf u jsaħħaħ il-poter tiegħu u hu għalhekk li l-Oppożizzjoni mhix taqbel mal-liġi kif proposta mill-Gvern.