Janet Walker, persuna li hi waħda mir-residenti fil-blokka appartamenti fejn seħħ il-każ ta’ dalgħodu, qed tinsisti li min qed jibni dejjem qalilhom li huma “safe” u ma kienx hemm problemi.
F’video li poġġiet fuq Facebook, Walker tgħid illi issa qed jistennew il-kumplament tal-binja tikkrolla.
Hi takkuża ukoll lill-Awtorita’ tal-Ippjanar u lill-Building Regulations Office (BRO) li donnu qatt ma taw widen għall-ilmenti tar-residenti. U issa b’dak li ġara, Walker u l-familja tagħha spiċċaw bla dar.
Walker ilha jiem sħaħ tappella għal intervent immedjat mill-awtoritajiet. Fuq Facebook xahar ilu, hi poġġiet ukoll ritratti tal-ħsara li saret fil-propjeta’ tagħha.

Fl-10 ta’ Mejju hi kellha saħansitra intervista ma’ TVM fejn qalet b’mod ċar li l-kostruzzjoni fis-sit ta’ ħdejhom qed tikkawża ħsarat enormi. Dakinhar, hi
qalet illi għamlet ir-rapporti kollha meħtieġa iżda l-periti li ġew fil-post qablu li x-xogħlijiet li qed isiru mhux qed jipperikolaw il-bini biswitu.
