F’laqgħa urġenti li għaddejja bħalissa f’Kastilja, sar magħruf illi ġew sospiżi l-permessi kollha għal skavar f’siti ta’ kostruzzjoni u anke l-permessi ta’ twaqqigħ ta’ binjiet. IŻDA jaf ikun hemm każi speċifiċi fejn l-iskavar xorta jkompli. Jew fejn jissokta l-proċess ta’ twaqqigħ.
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat aktar kmieni llum f’din l-istess laqgħa li bdiet għall-ħabta ta’ nofsinhar.
Fil-laqgħa f’Kastilja, ġew imsejjħa dawk kollha li huma involuti fl-industrija tal-kostruzzjoni.
B’rabta mal-inċidenti li kellna u x’għandha tkun it-triq ‘il quddiem, il-Gvern se jkun qed jiftaħ proċess ta’ konsultazzjoni li se jdum ħamest ijiem biss. Wara dan il-perijodu, l-ideat kollha jitressqu quddiem il-Parlament għad-diskussjoni.
Fost il-proposti li diġa’ qed jiġu kkunsidrati hemm dik li surveys ġeoloġiċi u ġeotekniħi li sa llum isiru biss jekk wieħed iqatta iktar minn 3 metri fond, issa jsiru għal kull każ ta’ tqattigħ.
Sal-lum, min jikser ir-regoli jeħel multa li tlaħħaq sa €500. Din qed tkun proposta li titla’ għal €10,000.


