Lokali Qorti

It-tfajla ta’ Jordan Azzopardi terġa tiġi arrestata wara li allegatament ippruvat tikkorrompi xhud

Kien minħabba din l-allegazzjoni li t-tfajla ta’ Jordan Azzopardi, omm ta’ ħames ulied u li għandha 31 sena, tressqet quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia mixlija li ppruvat tikkorrompi xhud u li anke kisret il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

L-Avukat Franco Debono li qed deher għall-mara, li hija minn Bormla u li isimha ma jistax jissemma’ fuq ordni tal-Qorti talab għall-ħelsien mill-arrest tagħha, bil-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Mark Mercieca ma qabilx fejn qal li din diġa kienet ingħatat il-liberta’ proviżorja fil-każ li tinsab akkużata ma’ Jordan Azzopardi, u għalhekk li issa reġgħet kisret il-kundizzjonijiet mogħtija lilha minn Qorti oħra.

L-Avukat Franco Debono qal li l-akkużata għadha preżunta innoċenti u li anke kieku kellha tinstab ħatja, tista’ tappella mis-sentenza. Waqt is-seduta tal-Ħamis li għadda, Luke Vella qal ukoll li s-somma ta’ €20,000, kieku aċċetta kien se jeħodhomn f’żewġ pagamenti ta’ €10,000 kull darba. Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għal liberta’ proviżorja tal-mara u din inżammet taħt arrest preventiv.