Lokali Qorti

Arrestati tlett irġiel fuq droga

F’inqas minn 48 siegħa, ħidma intensiva mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzju tad-Droga rriżultat fl-arrest ta’ tlett irġiel, tnejn Ingliżi u wieħed Malti mwieled l-Ingilterra, residenti n-Naxxar, Ħaż-Żabbar u l-Imsida.  L-età tagħhom tvarja bejn it-28 u s-37 sena.

Fil-vettura ta’ wieħed mill-Ingliżi, li huwa residenti n-Naxxar, instabu diversi pakketti li kien fihom 2 kilogrammi pjanta x’aktarx tal-kannabis lesta għat-traffikar. Aktar tfittxijiet fir-residenza tiegħu, irriżultaw fis-sejba ta’ diversi pakketti oħra tal-plastik li fihom kien hemm trab abjad, ukoll f’ammont ta’ 2 kilogrammi.

Minn eżamijiet preliminari li saru s’issa, mill-espert nominat mill-Maġistrat Inkwirenti tal-Għassa Noel Galea Sciberras,  irriżulta li dan jista’ jkun tip ta’ cutting agent li jitħallat mad-droga kokaina sabiex it-traffikant iżid il-volum tal-istess sustanza u b’hekk ikun qed iżid ukoll il-gwadan finanzjarju mill-bejgħ tal-istess mediċina perikoluża.

Saru wkoll tfittxijiet fir-residenza tal-Ingliż, li joqgħod l-Imsida, fejn ma nstabet l-ebda droga iżda nstabu madwar €70,000 fi flus kontanti u żewġ arloġġi li l-valur tagħhom huwa ta’ madwar €24,000, fost affarijiet oħra.

Huwa mifhum li dawn il-persuni  huma kollha parti minn grupp kriminali organizzat li jimporta d-droga kokaina u kannabis lejn il-gżejjer Maltin għall-finijiet ta’ traffikar  fuq skala sostanzjali.

It-tlett irġiel se jitressqu taħt arrest il-Qorti, bejn illum u għada, akkużati bl-assoċjazzjoni fit-traffikar u l-pussess aggravat ta’ mediċini perikolużi u possibilment b’akkużi dwar ħasil ta’ flus.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.