Lokali

BORMLA: xogħol li beda biss qabel l-elezzjoni – issa wieqaf

Persuni li joqgħodu fi Triq San Ġorġ f’Bormla qed jispiċċaw jgħaddu minn triq imfarrka li issa ilha ġimgħat f’dan l-istat.

Jirriżulta li x-xogħol f’Bormla beda ftit qabel l-elezzjoni fejn laħqu tlestew il-bażi tal-bankini, iżda malli sar dan, ix-xogħol waqaf ħesrem.

Filfatt wieħed jista’ jinnota kif matul il-ġurnata mhux ikun hemm ħaddiema fis-sit, apparti li l-inġenji kollha tneħħew minn hawn biex ikompli xogħol f’post ieħor.

Dan bil-konsegwenza li r-residenti tħallew b’bankini b’diżlivell madwar l-ispralli li jagħtu għall-kantini, b’riskju li dak li jkun jitfixkel f’saqajh.

F’xi nħawi fejn sar tqattigħ biex jingħaddu s-servizzi, min ikun għaddej bil-mixi jrid jgħaddi minn fuq biċċiet tal-injam li wħud minnhom diġa’ nkisru bil-piż waqt li dawk li għadhom sħaħ jilagħbu taħt saqajk.

UPSOUND

Dan bil-konsegwenza li n-nies huma sfurzati jimxu f’nofs ta’ triq li mhix daqshekk traffikuża iżda li hi mimlija ħofor, gandotti, biċċiet ta’ ġebel u trab.

Persuni li kellmuna f’Bormla lmentaw li x-xogħol beda qabel l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali iżda wara li marru jivvutaw, jidher li l-politiċi issa m’għadx għandhom bżonnhom u nesewhom.Staqsewna min se jerfa’ r-responsabbiltà jekk xi ħadd jaqa’ u jweġġa’ qalb dan it-tkissir kollu.