Sport

Eleanor Bezzina se ġġorr il-bandiera Maltija fil-Logħob Ewropew f’Minsk

(Ritratt: Martin Agius)

It-tiratriċi Eleanor Bezzina se tkun qed iġorr il-bandiera Maltija fiċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tat-tieni edizzjoni tal-Logħob Ewropew li se jsir f’Minsk bejn il-21 u t-30 ta’ Ġunju. Bezzina, friska mill-midalja tad-deheb fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Montenegro, għandha l-għan li tikseb il-punti ta’ kwalifikazzjoni bit-tama li tipparteċipa fl-Olimpjadi ta’ Tokyo s-sena d-dieħla.

Il-kontinġent Malti se jkun magħmul minn erba’ atleti. Minbarra Bezzina li se tieħu sehem fil-25 metru air pistol, se jkun hemm Mikaela Galea li se tipparteċipa fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni tat-trap, Jeremy Saywell fil-kategorija ta’ taħt is-66 kilo tal-judo u ċ-ċiklist Alexander Smyth li se jikkompeti fil-tellieqa tat-triq twila 180 kilometru.

Id-Direttur tal-Isport Ivan Balzan qal li wieħed irid jikkunsidra l-livell li fih se tikkompeti Eleanor Bezzina minħabba li fost l-oħrajn se jkun hemm l-aqwa ħamsa tad-dinja. Alexander Smyth ilu jitħarreġ maċ-ċiklisti għal dawn l-aħħar xahrejn u l-Logħob Ewropew se jkun il-mod kif jista’ jkejjel il-prestazzjonijiet. Dwar Jeremy Saywell, Balzan jinsab kunfidenti li se jkollu prestazzjonijiet tajbin filwaqt li sostna li Mikaela Galea qed titjieb fir-riżultati tagħha.

Il-programm tal-atleti Maltin

Mikaela Galea (Sparar)

Is-Sibt 22 ta’ Ġunju

9.00am       fażi ta’ kwalifikazzjoni tat-trap

Il-Ħadd 23 ta’ Ġunju

3.45pm       finali (jekk tikkwalifika)

Jeremy Saywell (Judo)

Is-Sibt 22 ta’ Ġunju

10.30am     fażi ta’ eliminazzjoni u semifinali

5.00pm       ġlidiet għar-rebħ tal-midalji

Alexander Smyth (Ċikliżmu)

Il-Ħadd 23 ta’ Ġunju

12.00pm     tellieqa tat-triq twila 180km

Eleanor Bezzina (Sparar)

It-Tlieta 25 ta’ Ġunju

1.00pm       fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-25m air pistol

L-Erbgħa 26 ta’ Ġunju

11.45pm     finali (jekk tikkwalifika)