Lokali

Iċedi s-saqaf ta’ appartament fl-Isla

Tliet familji kellhom jiġu evakwati minn binja fi Triq il-Maċina, fl-Isla, wara li mara li kienet fuq ġewwa fl-appartament tat-tieni sular spiċċat bis-saqaf nieżel fuqha.

Il-ħsarat strutturali huma evidenti u xokkanti, kif jidhru ritratti li waslu għand dan l-istazzjon, u li juru kif is-saqaf tal-appartament ċeda minħabba li faqqgħet ix-xibka. Dan bil-konsegwenza li biċċiet kbar ta’ ġebel ċeda.

Minkejja li l-ħsara ftit li xejn hi evidenti minn barra, il-Pulizija għalqu l-aċċess ta’ parti mit-taraġ li jifforma din it-triq u li jinsab biswit l-entratura ta’ din il-blokka ta’ appartamenti.

Dan hekk kif, meta wieħed iħares lejn il-faċċata tal-appartamenti jista’ jinnota diversi konsenturi kif ukoll qsim fil-faċċata u saħansitra anke madwar il-gallariji.

Residenti fl-inħawi esprimew it-tħassib tagħhom li l-faċċata tista’ ċċedi hekk kif f’xi partijiet jidher xi ġebel li qed jinbeżaq ‘il barra.

Tnejn mill-appartamenti f’din il-binja huma privati, wieħed minnhom b’ċens, waqt li l-appartament t’isfel hu tal-Gvern u li fortunatament ir-residenti tiegħu ittieħdu f’binja oħra fejn jgħixu.

Madankollu dan l-istazzjon jinsab infurmat li uħud mis-sidien l-oħrajn qed jitolbu l-għajnuna tal-Gvern hekk kif qed isibuha diffiċli li jlaħħqu mal-ispejjeż maġġuri li hemm bżonn isiru fuq l-istruttura.Waħda minn dawk li spiċċaw bla saqaf fuq rashom staqsietna jekk il-Prim Ministru hux se jgħin lil dawk fil-bżonn u li ma jistgħux ilaħħqu mal-ispejjeż.